Wednesday, April 24, 2024

Russu arrestat minħabba tpenġijiet ta’ bintu kontra l-gwerra jaħrab mill-arrest

L-avukat qal li jekk ħadd mill-familja ma jaċċetta li jieħu ħsiebha se tispiċċa f’orfanotrofju

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel Russu kien ikkundannat sentejn ħabs wara li bintu penġiet stampi kontra l-gwerra, liema stampi ġew interpretati bħala skreditu lejn il-forzi armati.

Madanakollu, l-iżvolġiment tal-każ ra bidla drammatika u dan hekk kif kelliem għall-Qorti żvela li, Alexei Moskalyov kien ħarab matul il-lejl waqt li kien arrestat f’daru.

Moskalyov, li waħdu jieħu ħsieb il-kustodja ta’ bintu ta’ 13-il sena, kien arrestat u sussegwentament separat minnha fil-bidu ta’ dan ix-xahar. Skont rapporti jidher li hi ttieħdet f’post ta’ rifuġju mmexxi mill-istat.

Jidher li l-pressjoni mill-Pulizija bdiet wara li t-tifla rrifjutat li tipparteċipa waqt lezzjoni ta’ patrijottiżmu tant li bdiet tpenġi xeni mill-gwerra fosthom missili jiġu sparati lejn familja li kienu qegħdin jistennew bi ħniena taħt bandiera Ukrena u saħansitra oħra bil-kliem “Viva l-Ukrajna!”

Il-Pulizija bdiet tinvestiga l-profili soċjali tal-missier u eventwalment akkużawh li skredita lill-armata Russa minħabba kitbiet li fihom sejjaħilhom “terroristi” u anke qal li huma “stupraturi”.

Grupp favur id-drittijiet umani fir-Russja ħareġ jikkritika bil-qawwa dan il-każ u bdew kampanja online biex jerġgħu jgħaqqdu lill-missier ma’ bintu.

Il-Pulizija fir-reġjun ta’ Tula fin-nofsinhar ta’ Moska qalet li Moskalyov kien ħarab kmieni t-Tlieta filgħodu u li kienet bdiet tfittxija minnufih għas-suspettat.

Kmieni fl-istess jum, l-avukat tal-familja Vladimir Bilienko żar lit-tifla u deher ħiereġ bi tpenġijiet li hi għamlet għal missierha. Skont filmati ppubblikati fil-midja waħda mit-tpenġijiet kellha miktub “Pa, int l-eroj tiegħi”.

Bilienko qal li t-tifla kienet se tiġi trasferita f’orfanotroju jekk ma jinstab l-ebda qarib tagħha li jkun lest li jieħu ħsiebha.

Sa mill-bidu tal-gwerra, numru ta’ politiċi, attivisti u Russi oħrajn ħarbu mill-pajjiż waqt li kienu miżmumin taħt arrest f’darhom u kienu qegħdin jistennew li jgħaddu ġuri.

Sport