Saturday, June 20, 2026

Mara bla saqaf fuq rasha tintbagħat sitt xhur ħabs

Aqra wkoll

Mara ta’ 54 sena li kienet qed tgħix fit-triq fi Pjazza San Pawl, il-Ħamrun, ġiet ikkundannata sitt xhur ħabs effettivi wara li ammettiet sensiela ta’ akkużi marbuta ma’ inċidenti ma’ ħaddiema talkunsill lokali u uffiċjali talpulizija. Il-mara, li m’għandhiex indirizz fiss, wieġbet ħatja għal tmien akkużi, fosthom aggressjoni u nsulti fil-konfront ta’ uffiċjali pubbliċi, ksur tal-paċi pubblika u vagabondaġġ. 

Il-Qorti semgħet kif fit-13 ta’ Marzu, żewġ impjegati tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun kienu qed iwettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni filpjazza meta l-mara bdiet tinsulentahom. Skont ix-xhieda tagħhom, hija għamlet diversi kummenti offensivi fil-konfront tagħhom u tal-familjari tagħhom. Hija ma ċaħditx li użat kliem offensiv iżda nsistiet li kienet ġiet ipprovokata. Hija allegat ukoll li fil-passat saru tentattivi biex titkeċċa millpost fejn kienet torqod. L-għada, il-Pulizija marret fuq il-post biex twettaq mandat ta’ arrest wara li hija allegatament naqset milli tidher għal seduta tal-qorti preċedenti. 

Is-Supretendent Godwin Scerri xehed li fil-pjazza kien hemm kutri u affarijiet personali madwar bank pubbliku u li ngħataw istruzzjonijiet biex iż-żona titnaddaf. Min-naħa tagħha, hija oġġezzjonat għal kif ġew deskritti l-affarijiet tagħha waqt il-proċeduri fil-Qorti. L-Ispettur Wayne Bonello qal li waqt l-arrest, hija ma kkooperatx mal-pulizija u repetutament akkużat lill-uffiċjali bil-korruzzjoni. 

Hija baqgħet issostni dawn l-allegazzjonijiet ukoll waqt is-seduti. Waqt il-każ, il-kelb tagħha kien tema rikorrenti fix-xhieda tagħha. Hija qalet li kienet irrifjutat akkomodazzjoni offruta lilha għax ma riditx titbiegħed mill-kelb tagħha, li ddeskriviet bħala l-unika ħaġa li kellha f’ħajjitha. 

Hija tat ukoll il-verżjoni tagħha tal-ħajja fit-triq u sostniet li t-tneħħija ripetuta talkutri tagħha ħallietha esposta għal kesħa qawwija, b’konsegwenzi fuq saħħitha. Min-naħa tagħhom, ilħaddiema tal-kunsill ċaħdu li kienu qed jimmiraw lejha. Huma spjegaw li l-affarijiet tagħha kienu jiġu mċaqalqa biss biex ikunu jistgħu jitnaddfu l-inħawi u biex ma ssirx ħsara lis-siġar fil-pjazza. 

Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut xehed li, minkejja li kienu saru diversi tentattivi biex tingħata assistenza, il-kunsill kellu l-obbligu li jżomm l-ispazji pubbliċi nodfa u aċċessibbli għal kulħadd. Aktar tard fil-proċeduri, il-Qorti ġiet infurmata li lmara xtaqet tammetti l-akkużi kollha kontriha. Il-Qorti kkundannatha sitt xhur priġunerija effettiva u imponiet ukoll multa ta’ €1,200 li għandha titħallas fuq medda ta’ tliet snin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport