Saturday, June 20, 2026

ILLUM HU L-JUM DINJI TAR-REFUĠJATI

Aqra wkoll

Ilum niċċelebraw il-Jum Dinji tarRefuġjati. Din il-ġurnata għandha importanza kbira kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq livell lokali. Din il-ġurnata ġiet stabbilita sabiex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-qagħda diffiċli li jgħaddu minnha miljuni ta’ refuġjati u persuni madwar id-dinja minħabba gwerer, persekuzzjoni, faqar estrem jew kriżijiet umanitarji. 

Fuq livell internazzjonali, din ilġurnata tfakkar lill-pajjiżi kollha dwar ir-responsabbiltà komuni li għandhom biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Ir-refuġjati ħafna drabi jkunu tilfu djarhom, il-familji tagħhom u s-sigurtà li kienu mdorrijin biha. Għalhekk, il-komunità internazzjonali trid tibqa’ taħdem flimkien biex dawn il-persuni jingħataw protezzjoni, kenn sigur, edukazzjoni, kura tas-saħħa u opportunitajiet biex jibnu futur ġdid b’dinjità. 

Din il-ġurnata tkompli tenfasizza dwar l-importanza tal-paċi u d-diplomazija bejn il-pajjiżi. Meta jkun hemm kunflitti jew gwerer, huma dejjem innies ċivili li jbatu l-aktar. Għaldaqstant, nemmnu li l-Jum Dinji tar-Refuġjati huwa wkoll sejħa biex il-pajjiżi jkomplu jinvestu aktar filpaċi, fid-djalogu u fis-soluzzjonijiet umanitarji biex jitnaqqas it-tbatija fost il-miljuni ta’ persuni. 

Fuq livell lokali, nisħqu li anke Malta għandha rwol importanti minħabba l-pożizzjoni tagħha fil-Mediterran. Matul is-snin, pajjiżna laqa’ diversi persuni li fittxu kenn u sigurtà wara vjaġġi diffiċli u perikolużi. Għalhekk, din il-ġurnata tfakkarna fl-importanza tas-solidarjetà, ir-rispett u l-għajnuna lejn dawk li jinsabu f’mumenti diffiċli f’ħajjithom. 

Nemmnu li huwa essenzjali li bħala soċjetà nibqgħu nippromwovu kultura ta’ inklużjoni u rispett lejn kulħadd, irrispettivament mill-pajjiż jew il-kultura tagħhom. Ir-refuġjati huma persuni b’ħolm, talenti u aspirazzjonijiet bħal kull bniedem ieħor. 

Quddiem dan kollu, nemmnu li din il-ġurnata hija mument ta’ riflessjoni dwar il-valuri tal-umanità, il-kompassjoni u l-għaqda bejn il-popli. Huwa messaġġ ċar li d-dinjità tal-bniedem għandha dejjem tibqa’ prijorità, u li kulħadd għandu dritt jgħix ħajja sigura u b’tama għal futur aħjar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport