Mara ta’ 64 sena residenti l-Qala kellha tiddaħħal l-Isptar Ġenerali t’Għawdex wara li għall-ħabta tal-4.20pm kienet involuta f’inċident tat-traffiku f’Għajnsielem.
L-inċident seħħ bejn Toyota Corolla li kienet misjuqa mill-mara, u Toyota Ist li kienet misjuqa minn raġel ta’ 81 sena minn Għajnsielem. Il-ħabta seħħet fi Triq Borg Għarib (magħrufa bħala t-triq tal-Qala).
Għal xi raġuni t-Toyota Corolla spiċċat fuq bankina filwaqt li t-Toyota Ist spiċċat maħbuta ma’ ħajt in-naħa l-oħra tat-triq.
Fuq il-post mar tim mediku b’ambulanza mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex fejn ta l-ewwel għajnuna lis-sewwieqa u ħadu lil mara l-Isptar għal aktar kura.
Minkejja li l-mara sofriet xi ġrieħi, jidher li mhux fil-periklu tal-mewt.
Il-pulizija qed tinvestiga dan il-każ.