Imħallef tikkundanna lill-ulied li jabbużaw mill-ġenituri
Mara li kienet ikkundannata erba’ snin ħabs talli ġibdet flus mill-kont bankarju t’ommha mingħajr il-permess tagħha kellha s-sentenza sospiża għal erba’ snin wara li l-imħallef li semgħet l-appell ikkonkludiet li l-bint kellha tiġi mgħejjuna tiffaċċja l-problemi tagħha.
Fl-istess waqt l-istess imħallef ikkundannat lill-ulied li jabbużaw mill-ġenituri u appellatilhom jieħdu ħsiebhom kif kienu ħadu ħsiebhom fit-trobbija.
Aloisia Mifsud Grech kienet mixlija li f’Marzu 2015, u fix-xhur ta’ qabel, ħadet lil ommha Mary aktar minn €5,000.
Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud irriżulta li Aloisia Mifsud Grech għamlet żmien tgħix fid-dar tal-ġenituri flimkien ma’ żewġha u li kellha l-prokura ta’ ommha.
Wara li l-omm sabet xi flus nieqsa hija għamlet rapport lill-Pulizija għalkemm bintha ċaħdet dan u nsistiet li kienet ommha li qaltilha biex tiġbdilha l-flus ħalli tqassamhom bejn l-ulied.
Il-Maġistrat Mifsud emmen il-verżjoni u wara li sabha ħatja ikkundannaha erba’ snin ħabs kif ukoll ġiet ordnata tagħtiha lura t-€30,466 fi flus kontanti u d-deheb li ħaditilha.
Mifsud Grech appellat quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kemm dwar il-ħtija kif ukoll dwar il-piena imma din ikkonfermat il-ħtija anke wara li ħadet konsiderazzjoni li qabel ingħatat l-ewwel sentenza l-mara kienet irritornat id-deheb lil ommha.
Meta ġiet biex tagħti l-piena l-Imħallef Scerri Herrera ikkunsidrat ir-rapport tas-‘social worker’ fejn ġie suġġerit li tiġi mgħejjuna tieħu responsabbilta għan-nuqqasijiet tagħha fil-konfront tal-familja.
Hija irrimarkat li kienet tassew ħasra li familja maqgħuda tispiċċa titkisser fix-xejn minħabba l-flus u iddeskriviet bħala “deplorabbli” li ġenitur jispiċċa f’età tant avvanzata imneżża mill-ġid li kellu.
“Dan huwa każ tassew ta’ niket fejn l-omm, anke skont ma jirriżulta mis-Soċial Inquiry Report, qalet lill-uffiċjal tal-probation li ma saret tafda lil ħadd lanqas lil uħud mit-tfal tagħha u li tħossha partikolarment traduta mill-appellanta”.
L-Imħallef Scerri Herrera żiedet tenfasizza li l-ulied għandhom jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom bl-istess għożża u mħabba li ġew imrobbijin biha.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Anne Marie Xuereb waqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia dehru għal Mifsud Grech.