Wednesday, July 24, 2024

Mara mixlija li heddet lill-eks raġel tagħha f’każ ta’ vjolenza domestika

Aqra wkoll

Mara ta’ 51 sena ngħatat il-ħelsien mill-arrest wara li tressqet fil-Qorti mixlija li tat fastidju lill-eks raġel tagħha. 

Dan kien wieħed minn diversi każi ta’ vjolenza domestika li nstemgħu aktar kmieni llum. F’żewġ każi oħra, żewġt irġiel ġew mixlija b’rabta ma’ reati fuq il-ġenituri tagħhom filwaqt li f’każ ieħor il-pulizija xliet raġel talli aggredixxa lis-sieħba.

Fl-ewwel każ, il-Qorti kif l-imputata għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjoni u l-eks raġel tagħha kien esprima tħassib li hi setgħet issir vjolenti fil-konfront tiegħu.

L-Ispettur Audrey Micallef qalet li dan kien “każ partikolari” hekk kif il-mara, li għandha żewġt itfal, qattgħet xahar l-Isptar Monte Carmeli qabel ġiet rilaxxata u setgħet titressaq il-Qorti. L-Ispettur Micallef żiedet tgħid li l-psikjatri kienu kkonfermaw li kienet qed tesperjenza problemi ta’ saħħa mentali.

Il-mara ġiet mixlija li tat fastidju lil dak li kien żewġha u li għamlet użu ħażin minn tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika biex tagħmel theddid. Hija ngħatat il-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000 filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni li tipprojbixxiha milli tavviċina jew titkellem mal-eks raġel tagħha.

Sadanittant, f’każ separat raġel ta’ 41 sena minn Birżebbuġa ġie mixli li fit-3 u fl-4 ta’ Frar hedded lil missieru ta’ 70 sena u li kkawżalu biża’ li se tintuża vjolenza kontrih jew kontra l-proprjetà tiegħu.

Huwa ġie mixli wkoll li rreżista l-arrest, li hedded u li ma obdiex tliet surġenti tal-pulizija u seba’ kuntistabbli u li ħebb għal tnejn mill-kuntistabbli. Akkużi oħra kontrih jgħid li kiser il-paċi pubblika u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv u nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. 

Fit-tielet każ, raġel ta’ 51 sena wieġeb mhux ħati li aggredixxa u weġġa’ ħafif lis-sieħba tiegħu f’residenza fl-Iklin fejn kienu joqogħdu flimkien. Ir-raġel, li llum jgħix Birzebbuġa, ġie mixli wkoll li bejn it-Tnejn 12 u t-Tlieta 13 ta’ Frar kkaġunalha tibża’ li se tintuża vjolenza kontriha. Huwa wkoll baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.

F’każ ieħor, żagħżugħ ta’ 24 sena wieġeb ħati li aggredixxa u hedded lil ommu. Huwa tpoġġa taħt ordni ta’ probation u taħt ordni ta’ trattament sabiex jindirizza l-problema tad-droga li għandu.

Ekonomija

Sport