Monday, December 9, 2024

Wasal fi stadju avvanzat ix-xogħol fuq l-estensjoni ta’ żewġ mollijiet fil-Port il-Kbir

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi Chris Bonett żar il-proġett tal-estensjoni ta’ żewġ mollijiet fil-Port il-Kbir, li bħalissa għaddej b’ritmu tajjeb. Meta jitlesta x-xogħol fuq is-siti ta’ Pinto 4/5 u Lascaris se jiffurmaw moll wieħed b’tul ta’ madwar 350 metru.

Waqt iż-żjara, il-Ministru Bonett ingħata tagħrif dwar il-proġett mill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, u l-periti u l-uffiċjali responsabbli mix-xogħol.

Dan il-proġett, li qed isir minn Infrastructure Malta, se jipprovdi l-infrastruttura neċessarja li biha ser ikunu jistgħu jorbtu cruise-liners mingħajr ħtieġa ta’ braken. Il-bini ta’ dawn il-mollijiet qed isir b’investiment ta’ madwar €25 miljun b’kofinanzjament ta’ fondi Ewropej.

Il-Ministru Chris Bonett tenna kif dawn ix-xogħlijiet jenfasizzaw il-ħidma kollettiva tal-Gvern sabiex tipprovdi l-aqwa infrastruttura għan-niċċa tat-turiżmu tal-cruise liners. Fl-2023, pajjiżna esperjenza madwar 900,000 moviment ta’ passiġġier permezz ta’ cruise liners. Din hija żieda ta’ 65% meta mqabbel mas-sena ta’ qabilha u li titqabbel ferm tajjeb mal-2019 li kienet sena rekord.

“Malta qed tikseb l-aqwa riżultati fis-settur tat-turiżmu u għalhekk qegħdin naraw li nsaħħu l-infrastruttura li tiffaċilita ħtiġijiet tal-industrija tal-cruise liners. Dan kollu filwaqt li nsaħħu l-impenn tal-Gvern fir-riġenerazzjoni li qed issir madwar il-Port il-Kbir,” tenna l-Ministru Bonett.

Il-mollijiet, li jinsabu fil-parti minn wara d-Dwana lejn il-Valletta Waterfront, qed jiġu estiżi ’l barra bi 15-il metru. Dan se jippermetti li vapuri kbar jorbtu hawnhekk mingħajr il-ħtieġa li bejn il-moll u l-vapuri jitpoġġew braken kif kien qed jiġri biex il-passiġġieri jinżlu l-art jew jitilgħu abbord.

F’ħidma delikata, dan il-proġett qed jara s-sehem ta’ bugħaddasa professjonali li qed jikkordinaw tqegħid ta’ strutturi kbar li ser iservu bħala bażi ta’ infrastruttura oħra importanti. Il-ħidma qed issir f’fond ta’ medja ta’ madwar għoxrin metru, bl-istrutturi tal-konkrit ser jiġu magħquda mal-istruttura eżistenti.

Ekonomija

Sport