Wednesday, July 23, 2025

Mara mixlija li serqet b’aktar minn €20,000 f’oġġetti minn appartament

Aqra wkoll

Abigail Bugeja, ta’ 38 sena residenti San Ġiljan tressqet il-Qorti fejn ġiet mixlija li serqet numru ta’ oġġetti minn appartament fil-Gżira li l-valur tagħhom jaqbeż l-€20,000

Quddiem il-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li dan is-serq seħħ f’żewġ okkażjonijiet fil-Gżira, bl-ewwel wieħed ikun fit-23 ta’ Marzu u t-tieni każ fis-27 tal-istess xahar ta’ din is-sena. Fl-ewwel seqa Bugeja allegatament serqet ħwejjeġ, kożmetiċi u oġġetti personali oħra, bi valur ta’ €2,329.37.

Imbagħad fit-tieni serqa allegatament Bugeja serqet ġojjellerija, flus kontanti, żewġ power banks, iPad Air u diversi oġġetti oħra.

L-akkużata ġiet identifikata permezz ta’ marki tas-swaba’ u filmati CCTV, u kienet arrestata fil-21 ta’ Lulju

Bugeja wieġbet mhux ħatja tal-akkużi, filwaqt l-avukat Nicholas Mifsud li mexxa d-difiża talab għall-ħelsien mill-arrest. Hu qal li l-akkużi li qiegħed tiffaċċja l-klijenta tiegħu allegatament saru aktar minn erba’ xhur ilu, kif ukoll li l-familja tagħha kienet lesta tagħmel tajjeb għalija u anke tgħinha biex ma terġax twettaq dak li wettqet.

Mifsud qal li Bugeja bdiet taħdem mal-Caritas, reġgħet bdiet tiltaqa’ mal-uffiċjal tal-probation, u qiegħda f’programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga. Saħaq ukoll li Bugeja qatt ma kienet il-ħabs, l-aħħar darba li tressqet il-Qorti kienet fl-2008, u qatt ma kisret kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest fil-passat.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Christine Delia u assistita mill-avukati Claire Sammut u Luigi Gulia mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, opponiet għat-talba għall-ħelsien, u fakkret dwar is-serjetà tar-reati, il-valur sinifikanti tal-oġġetti misruqa, kif ukoll ir-riskju li terġa’ tagħmel reati simili.

Fil-Qorti ntqal li l-akkużata kienet iddaħlet l-Isptar Mater Dei minħabba abbuż mid-droga.

Il-Qorti wara li semgħet liż-żewġ partijiet, qalet li r-riabilitazzjoni tagħha tista’ tkun aktar effettiva barra mill-ħabs u għalhekk laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet, fost l-oħrajn li b’mod immedjat tibda programm kontra l-vizzju tad-droga.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport