Saturday, November 23, 2024

Mara ta’ aktar minn 90 sena tinstab ħajja jiem wara t-terremot fil-Ġappun

Aqra wkoll

Mara ta’ aktar minn 90 sena nstabet ħajja qalb it-tifrik li ħalla t-terremot li laqat il-Ġappun fl-aħħar jiem. 

Uffiċjali tas-salvataġġ sabuha qalb il-binja ta’ żewġ sulari li kienet tgħix fiha fir-raħal ta’ Suzu wara ħamest ijiem minn meta seħħ it-terremot li kejjel il-qawwa ta’ 7.5 fuq l-iskala Richter. 

Aktar minn 120 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li mal-200 oħra għadhom irappurtati nieqsa. Skont ma qiegħed ikun rappurtat jidher li dan is-salvataġġ seta’ jkun possibbli wara li l-awtoritajiet bagħtu 100 uffiċjal tas-salvataġġ meta skoprew li kien hemm żewġ nisa fir-raħal ta’ Suzu li kienu spiċċaw mirdumin fir-residenza tagħhom. Jidher li l-mara nstabet f’sensiha iżda f’kundizzjoni ta’ hypothermia kkawżata mill-kesħa.

Fl-istess waqt, uffiċjali oħra sabu mara ta’ madwar 40 sena li kienet qiegħda wkoll tbati minn kundizzjonijiet respiratorji.

L-ewwel 72 siegħa minn każ bħal dan huma meqjusin bħala kritiċi minħabba li wara l-probabbilitajiet li jinstab xi ħadd ħaj jonqsu sostanzjalment. Dawn iż-żewġ nisa nstabu ħajjin jiem wara li nqabeż dan il-perjodu.

Sport