Wednesday, December 25, 2024

Mara tingħata l-aħħar ċans mill-Qorti wara li serqet ċrieket minn ħanut

Aqra wkoll

Il-Qorti tat l-aħħar ċans lil mara biex tindirizza l-iżbalji tagħha, terġa’ titpoġġa fit-triq it-tajba u tibda kapitlu ġdid li jżommha ‘l bogħod mill-għatba tal-ħabs. Dan wara li wieġbet ħatja għal akkużi relatati ma’ serq ta’ tliet ċrieket tad-deheb minn ħanut tal-ġojjellerija fil-Belt Valletta, bil-Qorti tpoġġiha taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin.

Il-mara, li għandha 46 sena u hija residenti l-Gżira, ammettiet li wettqet dan ir-reat li seħħ nhar l-20 ta’ Diċembru 2022, li laqgħet għandha ħwejjeġ misruqa u li saret riċediva b’diversi sentenzi mogħtija mill-Qrati ta’ Malta. Hija ammettiet ukoll li naqset milli tħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Qabel ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkunsidrat in-natura tar-reati, il-fedina penali mżewqa tagħha kif ukoll l-isforzi li din għamlet fil-passat biex “titfarfar mill-andament ħażin li kienet qabdet” u l-ammissjoni bikrija tagħha.

Il-Qorti qieset ukoll iċ-ċirkostanzi kollha l-oħra tal-każ fejn din il-persuna tbati minn kundizzjoni psikoloġika li potenzjalment timpediha milli tifhem b’mod sħiħ il-konsegwenzi ta’ għemilha.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li poġġietha taħt ordni ta’ probation, filwaqt li ordnatilha tikkumpensa lill-vittmi s-somma ta’ €1,180 fi żmien massimu ta’ sitt xhur. Dan l-ordni jista’ jiġi infurzat bl-istess mod bħallikieku din kienet ingħatat f’azzjoni ċivili bejn il-ħati u l-persuna lil min id-danni jew il-kumpens jiġu ordnati li għandhom jitħallsu.

Finalment, il-Qorti ordnat li l-imputata ma tersaqx lejn ħwienet u stabbilimenti li jbigħu ġojjellerija għajr biex tagħmel il-ħlas dovut minnha lid-derubati.

Ekonomija

Sport