Tuesday, April 23, 2024

Il-President tal-MHRA fiduċjuż li l-aħjar ċifri tal-2019 jistgħu jinqabżu

2.5 miljun turist mistennija jżuru pajjiżna matul din is-sena

Aqra wkoll

Malta mistennija tkompli tirkupra tajjeb wara ġimgħat pożittivi fis-settur turistiku, tant li mistenni li matul din is-sena l-għadd ta’ turisti f’pajjiżna mistenni jlaħħaq iż-żewġ miljuni u nofs. Dan jawgura tajjeb għal Malta bħala destinazzjoni ewlenija kemm fil-mediterran u anke fl-Ewropa. Dwar dan, il-President tal-MHRA, is-Sur Tony Zahra stqarr l-fiduċja tiegħu li din iċ-ċifra mistennija tintlaħaq fix-xhur li ġejjin u m’eskludiex li fil futur qarib saħansitra tinqabeż l-aqwa ċifra reġistrata fl-2019.

Tony Zahra ilu president tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) għal dawn l-aħħar snin. Ftit tal-ġranet ilu hu ġie kkonfermat għat-tliet snin li ġejjin xhieda li l-membri ta’ din l-assoċjazzjoni huma kuntenti bix-xogħol fejjiedi li qed jagħmel. 

Dan kollu tħabbar waqt l-64 Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MHRA b’Zahra li rringrazzja lill-membri tal-fiduċja fit-tmexxija tiegħu u faħħar ix-xogħol tal-Kunsill u l-eżekuttiv għax-xogħol siewi tagħhom.

Hekk kif għadda kemm intemmet is-sena 2022, dan il-ġurnal tkellem mal-istess Tony Zahra sabiex jieħu l-veduti tiegħu dwar il-qasam turistiku kif kien u l-andament tiegħu tul it-12-il xahar li għaddew fejn għandu x’jaqsam lukandi, ristoranti u anke turisti li jagħżlu li jqattgħu l-btala f’Malta.

Is-sena 2022 kienet waħda ta’ sfida kbira skont Tony Zahra speċjalment minħabba li litteralment kif qal hu stess bdejna minn zero.

“Bħal-lum sena f’Jannar 2022 konna għadna ġejjin minn mumenti ta’ inċertezzi kbar minħabba li l-pandemija tal-COVID-19 reġgħet waqqfet numru ta’ titjiriet, okkażjonijiet tal-massa u anke attivitajiet f’lukandi u ristoranti. Lejlet l-ewwel tas-sena 2022 kienet ukoll waħda fejn kellhom jitħassru numru ta’ attivitajiet.”

“Minkejja kollox, bqajna reżiljenti u bdejna nindunaw li fl-aħħar tal-mina se jkun hemm id-dawl u li eventwalment nibdew nirkupraw. Hekk ġara tant li numru ta’ restrizzjonijiet bdew jispiċċaw u bil-mod il-mod bdejna naraw titjib konsiderevoli mhux biss fil-lukandi u ristoranti iżda wkoll fin-numru ta’ turisti li għażlu lil Malta bħala d-destinazzjoni għall-vaganza tagħhom.”

Tkellimna ma’ Zahra dwar il-perjodu tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Kemm kien hemm konkorrenza min-nies, klijenti u turisti li jiffrekwentaw diversi postijiet ta’ divertiment jew inkella qagħdu f’xi lukanda?

“Nista’ ngħidlek li s-sitwazzjoni fil-lukandi kellha andament tajjeb ħafna u kważi lħaqna ċ-ċifri li kellna bejn is-sena 2018 u 2019. Dak kien perjodu ferm pożittiv fejn ħafna turisti u anke Maltin marru f’lukanda sabiex jirrilassaw xi ftit.”
Zahra qal li forsi dawn in-numri kienu aħjar minn dak li stennew aktar u aktar għax il-kapaċita’ tal-lukandi fil-perjodu tal-Milied u l-Ewwel tas-sena kienet waħda tajba ħafna.

Iżda x’qed ibassar għal din is-sena 2023 li għadha kemm bdiet?“L-ewwelnett naħseb li se jkollna andament simili ħafna għas-sena l-oħra. It-turisti se jerġgħu jagħżlu lil Malta għall-vaganzi tagħhom u qed nistennew madwar 2.5 miljun turist li f’xi perjodu jew ieħor se jkunu fil-gżejjer Maltin.”

“Bil-mod il-mod qed nersqu lejn iċ-ċifri tas-sena 2019, dik li kienet rekord ta’ 2.7 miljun turist. Naslu bil-mod il-mod għax fiduċjuż li bis-sehem ta’ kulħadd se nkomplu nagħmlu riklam tajjeb għall-pajjiżna.”

Fl-istess waqt matul din is-sena 2023 li għadha kemm bdiet, is-sitwazzjoni tidher pożittiva u qed nistennew ċifri oħra interessati kkumparati ma’ dawk tal-2019. Aħna dejjem nużaw 2019 bħala basis year. Kienet l-aqwa sena ta’ wasliet u allura magħha rridu nqabblu.

Tlabna lil Tony Zahra sabiex jgħaddi messaġġ fil-bidu ta’ din is-sena l-ġdida.
“Jien nawgura li kollha kemm aħna nkomplu nagħtu sehemna sabiex Malta u Għawdex ikunu l-gżejjer fejn aktar turisti jiġu jżuru. Fl-istess waqt nemmen li anke bis-sehem tal-lukandiera u s-sidien tar-ristoranti, dan is-settur ikompli jikber u fuq kollox li jirnexxielna naqbżu dak li sar fl-2019. Fiduċjuż li naslu għal hemm. Sadanittant, ejjew inxammru l-kmiem u nkomplu naħdmu sabiex l-objettivi li poġġejna u r-riżultati li niksbu jkunu dejjem pożittivi.”

Sport