Saturday, November 23, 2024

Mara tirrakkonta kif ħasset għejja mhux tas-soltu u wara rriżultat pożittiva għall-Covid-19

Aqra wkoll

Celaine Ellul: “Irnexxieli nadatta awtomatikament bl-ebda biża’ u rabja filwaqt li nfakkar lili nnifsi li dan hu żmien temporanju”

Minn MARIA AZZOPARDI

Celaine Ellul, mara ta’ 30 sena, tkellmet ma’ Inewsmalta dwar il-fatt li ftit tal-jiem ilu rċeviet telefonata li permezz tagħhha saret taf li hija rriżultat pożittiva għall-Covid-19. Hija tirrakkonta kif kollox beda minn ġurnata li kienet ippjanata li tagħmilha qalb in-natura jew l-għalqa ta’ missierha bħalma kienet dejjem tagħmel f’dawn iż-żminijiet li ma kinitx qed taħdem.

Minkejja l-biża’ li jista’ jkun hemm meta persuna tirċievi t-telefonata li tgħidilha li hija pożittiva għall-Covid-19, Celaine tistqar li bdiet tadatta awtomatikament filwaqt li tfakkar li dan huwa żmien temporanju u li bħalma ġie se jitlaq ukoll.

Hija qalet, “Kont fil-kamra tas-sodda u għadni sal-ġurnata tal-lum. Bdilt il-kamra f’partijiet differenti fejn jien nista’ niekol, parti fejn nimmedita u nipprattika l-yoga u l-bitħa biex inżomm ruħi movimentata bil-ġiri b’distanza limitata imma biżżejjed biex nagħmel kull tip ta’ eżerċizzju fiżiku. Kull meta tkun se tispiċċa l-ġurnata waqt li nammira s-sbuħija tax-xemx nieżla, dejjem nfakkar lili nnifsi li dan hu żmien temporanju u li bħalma ġie se jitlaq ukoll.”

Bdiet tħoss għejja mhux tas-soltu u l-isturdament beda jiżdied

“Qomt filgħodu kmieni qabel ix-xemx kienet se titla’ u kien mingħalija li se nilbes iż-żarbun tal-ġiri biex immur niġri pero ħassejt għejja mhux tas-soltu. Ma ħallejtx l-ebda ħsieb ħażin iwaqqafni milli nagħmel dan u xorta sibt il-kuraġġ u mort ħdejn il-baħar bid-differenza li flok niġri mmur nimxi. In-natura dejjem iġġegħlni ninsa u negħleb kull ħsieb u sa dak il-ħin ħassejtni qiegħda tajba,” qalet Celaine. 

Kif waslet id-dar hija bdiet tħoss li trid tiżola ruħha, speċjalment mill-membri tal-familja u binha. Sadanittant l-isturdament beda jiżdied u bdiet tħoss ukoll uġigħ ta’ ras. “Ridt nara x’se nagħmel mingħajr ma nallarma lil ommi. Ħabibti għamlitli l-kuraġġ biex inċempel u nagħmel appuntament biex nagħmel swab test ħalli b’hekk inkun nista’ nserraħ rasi u nemmen li kieku ċempilt tabib kien se jgħidli biex nagħmel l-istess,” qalet Celaine. 

“Dan iż-żmien qed jagħtini iktar ċans insir naf min jien verament”

Ġurnata oħra għaddiet u kienu għadhom lanqas saru t-8.00a.m. meta Celaine rċeviet l-ewwel telefonata tal-ġurnata. Hija qalet li kienet telefonata ta’ sorpriża li hija rriżultat pożittiva għall-Covid-19. Hija qalet, “kif smajt din il-kelma jien ħarist mill-ewwel li hija kelma sabiħa mhux għax jien irriżultajt pożittiva għall-Covid-19 imma għall-fatt kif inħobb ngħix il-ħajja.. jien dejjem inħares lejn il-pożittiv. Ridt nieħu azzjoni u bidla immedjatament biex nadatta għal li ġej u negħleb kull ostaklu, speċjalment meta tkun taf li qed tgħix mal-membri tal-familja kollha u ibni nkluż.”

“B’dan kollu jien irnexxieli nadatta awtomatikament bl-ebda biża’ u rabja, peress li dan iż-żmien qed jagħtini iktar ċans insir naf min jien verament għax qatt mhu biżżejjed taf kemm taf. Qatt ma ridt ngħix fil-biża’ u dejjem nemmen li l-biża’ se titfa iktar toqol ġewwa fik u ta’ madwarek speċjalment għal min hu vulnerabbli jew iżgħar minnek,” qalet il-mara. 

Hija tinsab ferħana li hija mdawwra  b’nies tajba, mimlija kollha ferħ u enerġija li bil-ħila tagħhom qed ikollha aktar kuraġġ. “Agħżel dejjem dawn in-nies u pprova kun int il-bidla ħalli jkun hawn iktar nies pożittivi għall-ħajja u nħarsu ‘l quddiem b’enerġija kbira għall-isbuħija tal-ħajja,” temmet tgħid Celaine. 

Sport