Sunday, December 22, 2024

MARA TQILA FOST ĦAMSA MEJTIN WARA LI NQALBET DGĦAJSA BL-IMMIGRANTI

Aqra wkoll

Dan is-sit jista’ jikkonferma li fl-operazzjoni delikata li bdiet aktar kmieni għall-ħabta ta’ 12:00 p.m ttellgħu ħames persuni mejtin.

Dan wara li f’Xatt it-Tiben issejħu timijiet mediċi mill-Isptar Mater Dei wara informazzjoni ta’ ħidma mill-Forzi Armati ta’ Malta minħabba dgħajsa bl-immigranti li kienet inqelbet.

Sfortunatament fost il-ħames persuni li ttellgħu bla ħajja kien hemm ukoll mara tqila. Barra minn hekk tmien immigranti kellhom jittieħdu lejn l-Isptar għall-kura filwaqt li 21 oħrajn ġew salvati u se jkunu qegħdin jittieħdu lejn iċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ġewwa fejn se jkun qiegħed jarahom tabib f’parti minn proċeduri preventivi li jittieħdu f’tali sitwazzjonijiet.

Skont l-ewwel informazzjoni jidher li l-immigranti ġejjin mis-Sirja, l-Eġittu u mill-Eritrea fost nazzjonalitajiet oħra.

Id-Deputy Commander tal-AFM waqt li kien qiegħed jindirizza l-midja qal li għall-ħabta tal-10.45am ċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta rċiviet telefonata li kien hemm dgħajsa bl-immigranti mixja fid-direzzjoni ta’ Malta.

Qal li minħabba li f’dak il-ħin l-AFM kellha ħelikopter jitajjar intbgħat hemm biex jivverifika din l-informazzjoni. Id-dgħajsa tal-immigranti kienet tinsab 5 mili ‘l barra miż-Żonqor qrib il-fish farm.

Hu kompla jgħid li b’mod immedjat marret dgħajsa tal-AFM fil-post indika u hekk kif bdiet l-operazzjoni tas-salvataġġ għal xi raġuni din id-dgħajsa inqalbet bl-immigranti kollha spiċċaw fil-baħar.

Bħalissa fiż-żona indikata għad hemm diversi uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta u anke għaddasa biex jiżguraw li ma baqa’ ħadd fil-baħar.

B’rabta mal-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq li ħatar diversi esperti biex jassistuh.

Konferma tal-ewwel vittmi

Jidher li mill-persuni li daħħlu s’issa f’Xatt it-Tiben, żewġ persuni diġà ġew iċċertifikati mejtin.

Skont sezzjoni tal-midja lokali jidher li dgħajsa li fuqha kien hemm mat-30 immigranti li kienu qegħdin jaqsmu lejn l-Ewropa nqalbet bil-persuni kollha spiċċaw fil-baħar.

L-operazzjoni tas-salvataġġ qed titmexxa mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Aktar kmieni: Diversi persuni salvati minn fuq il-baħar

Bħalissa għaddejja operazzjoni tas-salvataġġ bejn il-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta’ Malta.

Sorsi qrib dan is-sit qalulna li għadhom kemm ġew salvati xi nies minn fuq il-baħar wara li kienu nvoluta f’inċident. Huma kollha qegħdin jingħataw l-għajnuna minn timijiet mediċi li hemm fuq f’Xatt it-Tiben.

Sorsi qalu lil dan is-sit li hemm xi persuni fil-periklu tal-mewt.

Fl-aħħar ħinijiet diversi ambulanzi kienu skortati minn uffiċjali tat-TM lejn l-Isptar Mater Dei.

L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar.

Aktar dettalji kif jaslulna…

Ekonomija

Sport