Mario Bonello kien elett bħala l-President il-ġdid ta’ Athletics Malta wara Laqgħa Ġenerali Straordinarja tal-Assoċjazzjoni li saret il-Ħamis filgħaxija.
Is-Sur Bonello se jservi ta’ President sal-aħħar tat-terminu attwali tal-Kunsill, li jiskadi fl-2026.
Bonello, li rrappreżenta lil Malta f’żewġ Olimpjadi, huwa wieħed mill-aktar atleti ta’ suċċess f’Malta, fejn irrappeżenta lill-pajjiżna fuq livell internazzjonali għal aktar minn għoxrin sena. Huwa rebaħ għadd ta’ titli nazzjonali u għandu bosta rekords, u ħa sehem f’diversi edizzjonijiet tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kif ukoll numru ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali prestiġjużi oħra.
Wara li rtira mill-atletika kompetittiva, Bonello baqa’ involut fl-isport bħala kowċ u amministatur. Mill-2020, huwa serva bħala Direttur Tekniku ta’ Athletics Malta. Taħt it-tmexxija tiegħu, il-profil tal-atletika Maltija fuq livell internazzjonali ssaħħaħ konsiderevolment, bl-atleti Maltin jiksbu riżultati bla preċedent. Grazzi għall-professjoni tiegħu ta’ Perit, huwa kien strumentali wkoll fix-xogħolijiet ta’ modernizzar fit-trakka u l-faċilitajiet fil-Marsa, proġett li kien possibbli b’investiment notevoli minn SportMalta.
Huwa miżżewweġ lil Katya, u għandhom żewġt itfal, Andria u Nicolai.
Il-Kunsill ta’ Athletics Malta esprima l-apprezzament tiegħu lill-President uxxenti, Aldrin Cassar, kif ukoll lil Darren Micallef, li serva ta’ President interim fl-aħħar xhur, għad-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom lejn l-Assoċjazzjoni.