Monday, October 6, 2025

Mariska Vella … mhux biss mara li għelbet il-kanċer tas-sider, iżda wkoll simbolu ta’ kuraġġ u mħabba

Aqra wkoll

Il-ħajja kultant iġġib magħha sfidi li ħadd ma jista’ jimmaġinahom. Fost dawn hemm dawk il-mumenti fejn il-bniedem jinqala’ minn kull sens ta’ sigurtà u jrid jaffaċċja l-aktar biżgħat profondi tiegħu. Din kienet l-esperjenza ta’ Mariska Vella, omm il-mibki Jake Vella, meta fl-2020 saret taf li kienet qed taffaċċja battalja personali kontra l-kanċer tas-sider. 

Mariska kienet diġà magħrufa bħala mara ta’ kuraġġ, li għal snin twal kienet tgħix ħdejn binha Jake, tifel b’kundizzjoni rari ħafna . Minkejja kollox, Jake kien simbolu ta’ ottimiżmu u determinazzjoni, u kien hu stess li spiss jagħti l-kuraġġ lill-familja tiegħu. Imma meta l-mewġa tal-mard ħabtet fuq Mariska stess, il-ħajja tagħha daħlet f’realtà ġdida u aktar kerha milli qatt kienet stenniet. 

Kif tiftakar Mariska, il-vjaġġ beda b’sensazzjoni li ma setgħetx tinjoraha. “Kont qed nisma’ programm fuq it-televixin dwar il-kanċer tas-sider. F’dak il-mument ħassejt boċċa f’sidri. Sadanittant kont qed inħossni għajjiena ħafna, u ddeċidejt li mmur niċċekkja,” qalet. L-ewwel pass kien li marret għand it-tabiba tal-familja tagħha, li minnufih irrakkomandatilha li tagħmel aktar testijiet fl-isptar.

Il-mammogram u l-biopsy kkonfermaw l-agħar biża’ tagħha: hi kellha kanċer tas-sider. “Kien mument li jħalli bla kliem. L-ewwel ħsieb tiegħi kien għal Jake u għal Josie, żewġi. Kont naf li ħajjitna kienet se tinbidel kompletament.”

Minn hemm bdiet rutina ta’ kura li ma kinitx ħafifa. Kimoterapija, kirurġija, radjazzjoni, u aktar minn 18-il xahar ta’ kura kontinwa. “Rajt tibdil kbir f’ġismi u ħajti kollha daħlet f’livell ieħor ta’ sfida. Imma minkejja l-uġigħ, ridt nibqa’ soda mhux biss għalija, imma wkoll għal Jake.”

Il-familja tagħha kienet il-pedament li fuqu baqgħet wieqfa. Żewġha Josie kien sieħeb leali u ta’ sostenn, filwaqt li l-familjari l-oħra kienu dejjem hemm biex jgħinu fil-ġlieda.

Mariska tfakkar ukoll li dan kollu ġara f’nofs il-pandemija tal-COVID-19, żmien fejn l-iżolament u l-biża’ kienu jżidu pressjoni kbira fuq kull pazjent. “Kont kultant ma niflaħx fiżikament, imma ridt nagħti wiċċ kuraġġuż għal dawk ta’ madwari.”

Illum, wara snin ta’ kura u bosta tbatijiet, Mariska tista’ tgħid li hi dik li l-Ingliż isejħulha cancer survivor jew aħjar irnexxielha tgħix u llum il-ġurnata ħielsa mill-kanċer. U dan jagħmilha determinata biex il-messaġġ tagħha jasal għand ħaddieħor.

“Lil kull min qed jgħaddi minn din l-esperjenza bħalissa, ngħidilkom: titilfux it-tama. Intom aktar b’saħħitkom milli taħsbu. Għalkemm il-vjaġġ hu diffiċli, dan hu perjodu li jgħaddi. Qatt ma għandkom taqtgħu qalbkom.”

Fl-istess waqt, tħoss li għandha responsabbiltà li tgħolli l-għarfien fost il-pubbliku dwar l-importanza tal-prevenzjoni u tal-kontrolli regolari. “Qatt ma bsart li se nħabbat wiċċ ma’ dan il-mard. Imma d-dianjosi bikrija tagħmel differenza kbira u tista’ ssalva l-ħajja.Għalhekk, nitlobkom ħudu ħsieb tagħkom infuskom u ċċekkjaw regolarment.”

Il-kuraġġ ta’ Mariska ma baqax għaddej qisu xejn m’hu xejn. Fl-2024 hija ngħatat il-premju prestiġjuż “Mvintage Woman of the Year”, waqt ċerimonja speċjali f’Villa Mdina, in-Naxxar. Dan il-premju, magħżul mill-pubbliku, kien frott ta’ kif il-poplu Malti rrikonoxxa s-saħħa, il-kompassjoni u d-dedikazzjoni tagħha kemm bħala mara li affaċċjat il-kanċer, kif ukoll bħala omm li qatt ma ċediet mill-ġenb ta’ binha Jake sal-aħħar.

Għal ħafna, Mariska llum saret simbolu ta’ kuraġġ u ta’ tama. Hi xhieda ta’ kif anke fil-mumenti l-aktar mudlama tal-ħajja, il-bniedem jista’ jsib fih il-qawwa li jkompli jimxi ’l quddiem u jservi ta’ ispirazzjoni għall-oħrajn.

Mariska tgħid li l-proċess tal-fejqan ma kienx biss fiżiku, iżda wkoll spiritwali. “Il-fidi tiegħi kienet parti integrali. Meta kont nħossni qisni ma niflaħx iżjed, it-talb u l-appoġġ ta’ dawk qrib tiegħi kienu jagħtuni l-enerġija biex inkompli.”

Hi tħoss li l-esperjenza tagħha għallmitilha ħaġa fundamentali: li l-ħajja hi rigal u għandha tiġi apprezzata kuljum. “Kemm għandna bżonn inħarsu ’l quddiem u naffrontaw il-ħajja b’aktar kuraġġ u apprezzament. It-tbatija mhijiex eterna, u minkejja kollox, wieħed għandu jżomm tama.”

Illum, Mariska tibqa’ tappoġġja lil ħafna persuni li qegħdin jgħaddu mill-istess sitwazzjoni. Bil-kelma tagħha, bil-preżenza tagħha u bil-mod kif għexet il-vjaġġ diffiċli tagħha, hija żgur kisbet post ta’ rispett fil-komunità.

Il-messaġġ tagħha jibqa’ ċar: :qatt m’għandkom taqgħu vittmi tat-tbatija tagħkom, iżda użawha bħala mezz biex issiru aktar b’saħħithom. Il-kanċer jista’ jibdlilna ħajjitna, imma m’għandux inħalluh jirbħilna.”

Mariska Vella mhux biss mara li għelbet il-kanċer tas-sider, iżda wkoll simbolu ta’ kuraġġ u mħabba. Hija omm li tat lil binha Jake dak kollu li setgħet sal-aħħar, u llum hi xhieda ta’ kif wieħed jista’ jsib is-saħħa anke fil-mumenti l-aktar diffiċli. Ir-rakkont tagħha jibqa’ wieħed ta’ ispirazzjoni, messaġġ ta’ tama għal kull min hu f’nofs il-battalja tiegħu, u tfakkira qawwija għal kulħadd dwar l-importanza tal-għarfien u tal-prevenzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport