Id-direttur ta’ Inter, Beppe Marotta, jirrikonoxxi l-mertu tal-coach Simone Inzaghi li wasal sal-finali taċ-Champions League, waqt li wissi lil Manchester City li “min jonfoq il-flus mhux dejjem jirbaħ” waqt li jinsab miftuħ għal “negozjati ġodda” ma’ Chelsea fuq l-attakkant tal-Belġju, Romelu Lukaku.
Filwaqt li l-players ta’ Pep Guardiola qed ifittxu li jirbħu t-Treble, Inzaghi rebaħ il-kampanji tal-Coppa Italia u s-Supercoppa Italiana wara xulxin u wasal sal-finali taċ-Champions League kontra kull mistenni.
“Il-mertu ewlieni ta’ dan ir-riżultat imur għall-coach li minkejja l-kritika u l-pressjoni li jien kont l-ewwel li tajtu, irnexxielu jagħmel dan l-istaġun tassew straordinarju,” qal Marotta lill-media.
Manchester City huma l-favoriti assoluti, iżda qatt ma rebħu ċ-Champions League, filwaqt li għal Inter tkun ir-raba’ darba jekk jagħmlu dan.
“Fil-football l-ekwazzjoni min jonfoq l-aktar u għalhekk irid jirbaħ mhux dejjem taħdem. Manchester City ħaqqhom jaslu għal din il-finali u huma qawwa ekonomika fl-isport, iżda rridu niddefendu r-rokna tagħna f’dan ir-rigward u għalhekk ngħid li meta jintefa’ il-qrun, indoqqu l-qniepen tagħna.
“Din hi l-ħaġa sabiħa tal-isports, li t-tbassir jista’ jitreġġa’ lura. Nafu min huma l-favoriti l-kbar, iżda rridu nagħtu impressjoni tajba u nafu li l-ħolm jista’ jinbidel f’realtà”.
Id-deċiżjoni kbira li għad irid jieħu Inzaghi hija jekk Lukaku jew Edin Dzeko humiex se jibdew mill-bidu f’Istanbul, iżda l-futur tagħhom jinsab ukoll fl-arja.
“Il-kuntratt ta’ Dzeko qed jiskadi u Lukaku huwa biss misluf, mhux wieħed mill-players tagħna. Ninsabu kuntenti li nidħlu f’negozjati ġodda ma’ Chelsea, iżda huwa diffiċli li wieħed ibassar dan bħalissa peress li se noqogħdu bilqiegħda mal-ġerarkija tal-club u nippjanaw għall-istaġun li ġej. It-tnejn huma professjonisti mill-aqwa u players eċċellenti.”
Inter ma setgħux jaffordjaw jixtru lil Lukaku għal kollox, għalhekk huma ħerqana li jinnegozjaw ftehim ieħor ta’ self għall-istaġun, potenzjalment b’għażla li jixtru.