Thursday, December 26, 2024

Marru jirrapportaw li serquhom… spiċċaw il-Qorti fuq prostituzzjoni

Aqra wkoll

Erba’ nisa barranin, li għandhom bejn id-29 u l-44 sena, ingħataw sentenza sospiża wara li ammettew għal akkużi relatati ma’ prostituzzjoni. 

L-erba’ nisa, li isimhom mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti minħabba li qed jgħinu f’investigazzjoni oħra, kienu mixlija li s-Sibt li għadda u fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel, kellhom sehem f’eżerċizzju ta’ burdell f’residenza f’San Pawl il-Baħar.

Fil-Qorti ħareġ li dawn in-nisa kienu marru jirrapportaw li sfaw vittmi ta’ hold up u meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu li kienu qed isiru attivitajiet relatati mal-prostituzzjoni.

Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, l-erba’ nisa wieġbu ħatja tal-akkużi u kienu kkundannati sena ħabs sospiżi għal erba’ snin kull waħda. 

Il-Maġistrat Farrugia fehemhom dwar il-konsegwenzi jekk iwettqu reat ieħor f’dan il-perjodu. Min-naħa tagħhom, in-nisa rringrazzjaw lill-Qorti u ddikjaraw li “l-unika ħaġa li rridu hi li mmorru lura lejn Spanja.” 

Sadanittant, il-Qorti ġiet infurmata wkoll li n-nisa diġà xehdu fl-inkjesta b’rabta mal-allegata serqa, u li se jkunu deportati lejn dan il-pajjiż fil-jiem li ġejjin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Dorianne Tabone. Għan-nisa deher l-Avukat David Anthony Bonello.

Ekonomija

Sport