Sunday, May 19, 2024

Malta mfaħħra għall-ħidma diplomatika li bdiet sa minn qabel l-invażjoni fl-Ukrajna

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba irringrazzja lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo għall-ħidma diplomatika ta’ Malta favur il-poplu Ukren. Mindu r-Russja nvadiet lill-Ukrajna l-Ministru Bartolo żamm kuntatt regolari ma’ Kuleba. Iż-żewġ ministri kienu saru ħbieb f’Ġunju li għadda meta ltaqgħu fil-Forum Diplomatiku ta’ Antalya fit-Turkija. Il-Ministru Evarist Bartolo kompla bil-ħidma diplomatika intensiva tiegħu fi żmien meta messna qed naħdmu flimkien biex ngħelbu l-effetti ħżiena tal-pandemija  u issa dħalna fi gwerra li se ddaħħalna fi problemi ġodda u jekk teskala tista’ twassal għall-gwerra nukleari u qerda tad-dinja. 

Il-Ministru Bartolo iddikjara li Malta se tibqa’ taħdem bla prużunzjoni, b’dinjità, skont kemm nifilħu, bla naraw kbir imma bla ma narmu lilna nfusna, se nkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna ta’ paċi flok gwerra, ta’ tfittxija għall-ftehim flok ġlied. Ta’ ħarsien tal-prinàipji tas-sovrantita, tal-indipendenza nazzjonali u ta’ soluzzjonijiet paċifiċi għat-tilwim.

Fit-22 ta’ Frar 2022 il-Ministru Bartolo informa lil Kubela li Malta hi kontra li pajjiż juża l-forza kontra pajjiż ieħor. Malta għalkemm newtrali u ma kinitx se tibgħat armi lejn l-Ukrajna, kienet lesta tgħin bil-mediċini u bżonnijiet oħra. Ħadet sehem ukoll fis-sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-President Putin u l-ħbieb tiegħu. Il-Ministru Bartolo nfurmah ukoll dwar li l-attenzjoni li Malta qed tagħti lill-komunità ta’ Ukreni li jgħixu Malta u l-ħidma li kienet qed issir biex jgħinu qraba ta’ Ukreni f’Malta jaħarbu mill-gwerra u jaslu Malta. Spjegalu wkoll l-għajnuna li Malta qed tibgħat lir-rifuġjati.

ĦIDMA LI BDIET QABEL L-INVAŻJONI RUSSA

Il-Ministru Evarist Bartolo għadu għaddej b’ħidma diplomatika ma taqta’ xejn tal-ogħla livell b’kuntatti diplomatiċi mal-Ukrajna, maċ-Ċina, mar-Russja, mal-Indja biex tinsab soluzzjoni paċifika u ma jibqgħux jintilfu aktar ħajjiet ta’ nies innoċenti fl-Ukrajna. Għalkemm pajjiż ċkejken, qed isostni l-Ministru Bartolo, Malta tista’ tagħti l-kontribut tagħha biex tinstab soluzzjoni paċifika għal dan il-kunflitt.

Din il-ħidma ilha għaddejja minn ġimgħat qabel bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna li ordna l-President Russu Vladimir Putin.  Fit-2 ta’ Frar 2022 il-Ministru Evarist Bartolo kiteb lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov fejn infurmah li Malta hi favur li t-tilwim bejn il-pajjiżi għandu jkun solvut b’mod paċifiku u mhux bil-gwerra. Waqt li spjega li Malta hija pajjiż newtrali u ma tridx li tkun f’xi alleanza militari u hi kontra l-gwerra. Hu qal lil Lavrov li Malta hi favur il-prinċipju tas-sovranità u l-indipendenza nazzjonali u li kull poplu għandu l-jedd jagħżel is-sistema politika u ekonomika tieghu. Il-Ministru Bartolo qal ukoll li Malta hi favur li kull pajjiz għandu jgħix f’sigurtà mal-ġirien tiegħu u li l-pajjiżi għandhom jgħixu flimkien mingħajr ma jkunu ta’ theddida għal xulxin. Minn Moska, il-Ministru Bartolo rċieva tweġiba b’apprezzament għall-ittra li bagħat.

KUNTATTI MAĊ-ĊINA U MAL-INDJA

Il-Ministru Evarist Bartolo kien ukoll f’kuntatt fil-25 ta’ Frar 2022 mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż Wang Yi u mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Indja Subrahmanyam Jashankar  biex dwar il-vot fil-Kunsill tas-Sigurta` tan-Nazzjonijiet Maghquda dwar l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, iċ-Ċina u l-Indja jżommu l-pożizzjoni tagħhom li jiddefendu l-prinċipji tas-sovranità, tal-ugwaljanza tal-pajjiżi u tal-liġi internazzjonali. Iċ-Ċina u l-Indja astjenew dwar dan il-vot. Min-naħa Ċiniża u Indjana ġiet ir-risposta għall-Ministru Bartolo li ċ-Ċina u l-Indja dejjem iddefendew dawn il-prinċipji.

Meta l-gwerra kompliet tiħrax il-Ministru Bartolo fis-27 ta’ Frar reġa’ talab liċ-Ċina tagħmel il-parti tagħha biex tieqaf il-gwerra u tuża l-fiduċja li għandha mar-Russja u l-Ukrajna biex tressaqhom flimkien u jilħqu ftehim ta’ sigurta` li jieħu ħsieb l-interessi tat-tnejn li huma u mhux ta’ xi pajjiż wieħed għas-spejjeż tal-ieħor. 

Sport