Saturday, December 21, 2024

Marsaxlokk miżmuma minn Sirens

Aqra wkoll

Marsaxlokk …….1

Sirens ……………1

Marsaxlokk sfaw miżmuma fi draw diżappuntanti ta’ 1-1 minn Sirens, biex b’hekk tilfu żewġ punti prezzjużi fit-tentattiv tagħhom li jiksbu post f’kompetizzjoni Ewropea.

Ix-Xlukkajri kienu l-aħjar team fl-ewwel taqsima iżda fit-tieni taqsima Sirens wettqu reazzjoni mill-aqwa u għarfu jikkonrollaw taj­jeb lill-avversarji tagħhom.

Kien fil-11-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Marsaxlokk jkunu huma li joħolqu l-periklu meta Junior José Fernando Gomes għadda tajjeb lejn Yuri De Jesus Messias li minn pożizzjoni ideali tefa’ għoli.

Huma komplew jippressaw u fit-23 minuta fetħu l-iskor permezz ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ LEANDRO AGUIRRE.

Sirens wieġbu żewġ mi­nuti wara permezz ta’ xutt ta’ Nicholas Pulis mid-distanza li ġie salvat b’diffikultá mill-goalkeeper, Marko Drobnjak

Iżda fis-37 minuta kienu Marsaxlokk li resqu viċin li jirduppjaw meta Sunday Akinbule dar tajjeb ma’ di­fensur avversarju, qabel spara xutt li stampa mal-wieqfa.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Marsaxlokk ħarġu aktar avventurużi u fil-50 mi­nu­ta, Duane Bonnici indirizza cross li sab lil Sunday Akin­bule li bir-ras niżżel lejn Yuri De Jesus Messias li kellu x-xutt bid-dawra salvat minn Andrea Cassar.

Iżda, fil-55 minuta, Sirens kisbu d-draw meta DEG­RAN JACKSON fajjar xutt minn barra l-kaxxa li għeleb għal kollox lil Drobnjak.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u kwarta wara, xutt ta’ Bismark Asare ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Drobnjak.

Il-Pawlini komplew juru l-aħjar logħob u fis-77 minuta, Jackson dar taj­jeb ma’ difensur avversarju qabel venven xutt fil-baxx minn qagħda ideali li ġie salvat minn Drobnjak.

Marsaxlokk wieġbu mi­nuta biss wara u kienu sfortunati li ma skorjawx il-goal tar-rebħa meta Sunday Akinbule kellu daqqa ta’ ras mill-viċin taħbat mal-mimduda u tintemm barra.

SIRENS: 1-Andrea Cassar, 3-Daniel Murillo Borrero, 5-Prosper Boakye Owusu, 8-Nicholas Pulis, 9-Andreas Panayiotou (18-Mohammed Akadom 90), 10-Gilberto Martins, 15-Konstantinos Ntampizas, 23-Bismark Asare, 26-Sacha Borg (96-Daniel Agius 86), 29-Kwasi Donsu, 31-Degran Jackson  – Coach: Steve D’Ama­to

MARSAXLOKK: 95-Marko Drobnjak, 4-Karl Micallef, 8-Jake Ghio, 10-Yuri De Jesus Messias, 11-Duane Bonnici (7-Nevin Portelli 67), 17-Jacob Walker (6-Nikolai Muscat 83), 27-Leandro Aguirre, 28-Nikola Raden, 33-Diego Pires Dall’Oca (9-Fabricio Brener 83), 88-Sunday Akinbule, 94-Junior Jose Fernando Gomes  – Coach: Winston Muscat

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: James Muscat, Thomas Debono

RABA’ UFF: Alex Johnson

SKORERS: L. Aguirre 23 (M), D. Jackson 55 (S)

AMMONITI: N. Pulis, S. Borg, D. Jackson (S), J. F. Gomes Junior (M)

Ekonomija

Sport