Friday, December 13, 2024

Mart il-President Ukren takkuża lill-Russja bi “qtil tal-massa”

Aqra wkoll

Olena Zelenska, mart il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, kitbet ittra b’saħħitha ħafna dwar dak li qiegħed jesperjenza pajjiżha, fejn hija kellha kliem ta’ kundanna bla riservi “għall-qtil tal-massa” li qiegħed iseħħ fuq iċ-ċittadini Ukreni.

Fid-diskors tagħha hija ffokat l-iktar fuq it-tfal li sfaw vittmi tal-aggressjoni Russa, fejn semmiet tlett itfal b’isimhom li mietu waqt il-bumbardamenti. Olena qalet li l-Ukrajna trid il-paċi iżda se tibqa’ tiddefendi l-fruntieri u l-identità tagħha. 

L-istqarrija ta’ Olena saret f’ittra li ġiet ippubblikata fuq is-sit tal-President Ukren nhar it-Tlieta li għaddiet sewwasew fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa. Fl-ittra tagħha Zelenska qalet li hija rċeviet ammonti kbar ta’ rikjesti għal intervista iżda qalet li din l-ittra se tkun qiegħda twieġeb il-mistoqsijiet. Olena li għandha 44 sena tinsab f’post mhux magħruf u dak hekk kif żewġha l-President Zelenskyy qal li l-familja tiegħu u hu jinsabu fil-mira tal-qawwijiet Russi. 

Fl-ittra tagħha Olena qalet kien diffiċli għalihom biex jemmnu li verament qiegħda seħħ invażjoni, u dan hekk kif pajjiżhom kien wieħed fejn il-paċi tirrenja u l-bliet u l-irħula kienu mimlija ħajja. Hija tenniet li dak li qiegħed iseħħ mhu xejn għajr “qtil tal-massa tal-poplu Ukren” u dan minkejja li r-Russja qiegħda tpinġi dan kollu bħala “operazzjoni speċjali”.

Zelenska qalet li f’dawn il-jiem ta’ gwerra twieldu numru ta’ trabi Ukreni li sfortunatament mhux se jesperjenzaw pajjiż ta’ paċi. Hija iżda qalet li l-President Russu kkalkula ħażin hekk kif ma tax biżżejjed kas il-parti­jottiżmu u l-qlubija tal-poplu Ukren. Olena qalet li, “il-propagandisti tal-Kremlin bdew jiftaħru li l-Ukreni kienu se jilqgħuhom bil-fjuri daqslikieku kienu salvaturi, iżda minflok laqgħuhom bil-Molotov cocktails.”

Hija kellha kliem ta’ ringrazzjament għall-popli kollha li werew l-appoġġ tagħhom mal-Ukrajna filwaqt li ħeġġet lill-Punent biex “jaqgħlaq l-ispazju tal-ajru fuq l-Ukrajna, u jħallu lilna niġġieldu fl-art”. Finalment hija kitbet li, “jekk aħna ma nwaqqfux lil Putin, li qiegħed jhedded li jibda gwerra nukleari, ma jkun hemm l-ebda post sigur fid-dinja. Aħna se nirbħu. Għax magħqudin. Magħqudin bi mħabba għall-Ukrajna.”

Ekonomija

Sport