Tuesday, April 30, 2024

Il-Partit Laburista b’numru ta’ proposti favur is-saħħa tan-nies

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru qal li bħala Partit huma kredibbli għax il-proposti li qed jgħidu mhux qed jagħmluhom fl-arja imma b’mod kalkulat u studjat fejn jafu eżattament kemm se jiswew.

Semma kif bħalissa jagħtu tilqima jgħidulna tal-HPV lil dawk il-bniet ta’ 12-il sena li hija importanti ħafna biex tnaqqas ir-riskju ta’ kanċer fl-għonq tal-utru. Din it-tilqima s’issa tingħata lill-bniet biss. F’dan ir-rigward huwa qal li jekk il-poplu jagħtihom il-fiduċja, mill-1 ta’ April li ġej se jkunu qed jagħtu t-tilqima tal-HPV lis-subien ukoll minn 12-il sena u aktar. Qal li din se tkun qed tiġi tiswa €700,000 fis-sena.

Żied jgħid li mill-1 ta’ April ukoll, jekk il-poplu jagħtihom fiduċja, se jdaħħlu mediċina għal dawk il-persuni li jbatu bil-fibromyalgia fejn bejn 2,000 u 3,000 persuna jieħdu din il-mediċina li se tkun qed tiswihom €100,000 fis-sena.

Semma kif is-sena li għaddiet iddaħħlet sistema unika fejn għandna sistema li tfal li għandhom dijabete tat-tip 1, u allura jieħdu l-insulina, qed jagħtuhom dawk li jissejħu continous glucous monitors. Qal li jekk il-poplu jagħtihom il-fiduċja,  fl-1 ta’ April ukoll se jżidu l-età li jagħtu dawn il-continous glucous monitors minn 16-il sena għal 21 sena, imbagħad f’Novembru li ġej se jżiduha għal 35 sena u fl-2023 se jagħtihom lill-pazjenti kollha li għandhom dijabete tat-tip 1. Għal din is-sena, l-estensjoni tal-glucous monitors se tiswa €1 miljun, filwaqt li għas-sena d-dieħla se tiswa €1.2 miljun fis-sena.

Żied jgħid ukoll li jekk il-poplu jagħtihom fiduċja, se jdaħħlu mediċina oħra li hija ekwivalenti għax-Xaralto. Qal li din il-mediċina se jdaħħluha f’Mejju ta’ din is-sena u se tiswilhom €5 miljun.

Qal ukoll li aktar tard din is-sena, f’Awwissu, se jdaħħlu l-mediċini tal-osteoporosis. 

Dan apparti l-fatt li matul il-leġiżlatura se jdaħħlu l-mediċini tal-kanċer u se jaraw  li l-ebda pazjent li huwa marid bil-kanċer ma jkollu għalfejn jixtri hu minn butu mediċini tal-kanċer li huma approvati.

Apparti minn hekk, se jkunu qed idaħħlu mediċini ġodda għall-mard rari, għall-mard mentali, għall-problemi tal-qalb u tal-ġilda.

Tkellem ukoll dwar il-problema tal-HIV, u qal li jekk il-poplu jagħtihom fiduċja, mis-sena li ġejja se jkunu qed idaħħlu l-mediċini tal-PREP u l-PEP li huma essenzjali biex innaqsu u nipprevjenu l-HIV fil-populazzjoni Maltija.

Sport