Thursday, April 25, 2024

Marzu li għadda kien l-aktar wieħed kiesaħ mill-1987 ‘l hawn

Aqra wkoll

  • It-temperatura tal-arja laħqet medja ta’ 12.4°C; 1.7°C aktar baxxa min-norma ta’ Marzu
  • Marzu kien anqas xemxi min-norma, b’176 siegħa xemxin imkejlin
  • Ix-xita li tkejlet f’Marzu lammontat għal 23.8 mm (inqas min-norma ta’ 39.7 mm)

Ix-xahar li għadda l-Gżejjer Maltin esperjenzaw l-aktar bidu kiesaħ għall-istaġun tar-rebbiegħa mill-1987 ’l hawn, hekk kif it-temperatura medja ta’ Marzu kienet ta’ 12.4°C. Din il-medja kienet oqrob għan-norma klimatika ta’ Frar ta’ 12.6°C, milli għan-norma ta’ Marzu ta’ 14.1°C.

L-ogħla temperatura li ġiet irreġistrata x-xahar li għadda kienet ta’ 25.2°C fl-aħħar jum ta’ Marzu, filwaqt li dik l-aktar baxxa kienet ta’ 6.0°C li ntlaħqet fil-11 ta’ Marzu. Filwaqt li din it-temperatura kienet pjuttost baxxa għal Marzu, ma kinitx kumparabbli mal-aktar temperatura baxxa għax-xahar.

Skont ir-rekords miżumin mill-Uffiċċju Meteoroloġiku din kienet ta’ 2.2°C u ġiet irreġistrata fl-1949. Temperatura minima simili ta’ 2.4°C kienet ġiet irreġistrata fl-1987, meta t-temperatura ta’ Marzu kienet laħqet medja ta’ 11.8°C.

Ħarsa lejn it-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar, min-naħa l-oħra, turi li din kienet daqs in-norma klimatika għal Marzu ta’ 15.3°C.

Filwaqt li Marzu ġeneralment iġib miegħu temp aktar xemxi flimkien ma’ jiem itwal, il-bidu ta’ din ir-rebbiegħa qajla kien mgħarraq fix-xemx. Kopertura ta’ sħab aktar sfiqa ta’ 4.2 oktas flimkien ma’ diversi istanzi ta’ trab sospiż fl-arja wasslu sabiex is-sigħat xemxin li tkejlu matul Marzu kienu 48 siegħa taħt in-norma klimatika ta’ 224.7 siegħa.

Ix-xemx ma dehret xejn fit-13 u d-19 ta’ Marzu. It-13 ta’ Marzu kien ukoll l-aktar jum imxarrab, hekk kif ipproduċa 18.4 mm xita, jew 77% tax-xita kollha mkejla tul xahar li kien aktar xott min-norma klimatika.

Id-19 ta’ Marzu, min-naħa l-oħra, kien Sibt mirjieħ li segwa l-jum li pproduċa l-aktar buffura qawwija tax-xahar ta’ 47 knots mix-Xlokk il-Lvant. Il-veloċità tar-riħ medja għax-xahar kienet ta’ 11.1 knots, jiġifieri ogħla min-norma klimatika ta’ 9.5 knots.

Sport