Sunday, December 22, 2024

“Massakru bħal dak f’Texas jista’ jibda minn difett fis-sistema li biha nistabilizzaw ir-rabja”

Il-Psikologa Katya De Giovanni ssostni dwar il-ħila li persuna tfittex l-għajnuna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-isparatura fi skola f’Texas li ħalliet numru ta’ studenti u għalliema mejtin fl-aħħar sigħat ġibdet l-attenzjoni kollha tal-midja fuqha. Dan ma kienx każ iżolat u hemm preokupazzjoni anke mill-President Amerikan li sal-bieraħ stess qal li ma jiflaħx aktar jitkellem dwar dawn l-atti li fihom jitilfu ħajjithom persuni innoċenti. 

Dan isaħħaħ l-idea tad-demokratiċi b’rabta mal-bżonn ta’ iżjed kontroll fejn jidħlu armi u l-fatt li aktar kemm jiżdied il-kontroll fil-pajjiż, aktar jonqsu l-isparaturi tal-massa. Qabel l-elezzjoni Presidenzjali tal-2018, ir-Repubblikani mmexxijin minn Donald Trump kienu jippreferu libertà aktar vasta fejn jidħol pussess ta’ armi u l-użu tagħhom. Fost wieħed mill-argumenti tagħhom kien hemm il-fatt li huwa dritt li ċ-ċittadin ikollu arma li tagħtih id-dritt li jiddefendi lilu nnifsu u oħrajn li sostnew li kellhom dritt li jżommu armi bħala delizzju.

Dan is-sit tkellem mal-Psikologa Katya De Giovanni dwar x’jistgħu jkunu l-fatturi li jwasslu biex persuni jaslu f’dawn l-estremitajiet li jwettqu massakru. Hija spjegat li ħafna drabi, dawn ikunu persuni introverti ħafna u li ma jkollhomx sistemi oħra biex jikkontrollaw ir-rabja kbira li jkollhom.

Qalitilna li ħafna drabi dawn in-nies ikunu dawk li fit-terminoloġija tal-psikoloġija jissejħu “passive aggressive” fejn filli jkunu trankwilli u ftit wara jinħakmu minn emozzjonijiet kbar ta’ rabja li fejn minħabba li ma jkollhomx l-abbilità li jikkomunikaw jispiċċaw jaslu f’dawn l-estremitajiet.

“illum tfal li jispiċċaw għal riħhom jispiċċaw f’dawn l-estremitajiet biex jiġbdu l-attenzjoni”

Il-Psikologa Katya De Giovanni

Il-Psikologa qalet ma’ Talk.mt li waħda mill-bidliet li saru f’dawn l-aħħar snin f’dik li llum nqisu bħala soċjetà moderna hija li llum m’għadniex ngħixu fil-familji estiżi ta’ qabel fejn kulħadd kien ikollu min jieħu ħsiebu. Illum hawn tfal li jispiċċaw għal riħhom riżultat tal-ħajja mgħaġġla li ngħixu fiha u allura jkollok uħud li biex jiġbdu l-attenzjoni jispiċċaw jirrisolvu għal dawn l-estremitajiet.

Staqsejnieha dwar jekk jistax ikun hemm rabta bejn dak li seħħ f’Texas mar-rapporti li kellna f’pajjiżna fl-aħħar ġimgħat fosthom, swat ta’ tfal fuq tfal oħrajn fl-iskejjel, studenti li jaħbtu għal tfal oħra u saħansitra l-għalliema li ppruvaw iwiddbuhom u anke l-allegat attakk minn student jew studenti fuq għalliema li spiċċat tingħata attenzjoni medika wara li xorbot minn flixkun b’kontenut ta’ kimika.

Hija qalet li ma temminx li tara żieda fil-każi ta’ bullying fl-iskejjel, iżda sar hawn iżjed għarfien u l-każi saru jinxterdu iżjed malajr fuq il-midja soċjali.

De Giovanni qalet li parti mill-ħidma tas-settur edukattiv se tkun li trawwem minn etajiet żgħar lill-istudenti biex jiżviluppaw il-ħila li jfittxu l-għajnuna għax mhux kulħadd kapaċi jitlob l-għajnuna. Hija sostniet li l-istudenti f’dan il-proċess għandhom jingħataw sfidi mill-ħajja ta’ kuljum biex jitgħallmu jegħlbu tali sfidi u jifhmu li l-ħajja mhix dejjem ward u żahar.

Ekonomija

Sport