Thursday, May 16, 2024

IĊ-ĊAĦDA MILL-PENSJONI GĦALL-ĦADDIEMA MINN PAJJIŻI TERZI

Aqra wkoll

“Għaliex m’għandux ikolli dritt daqs ħaddieħor għal pensjoni? Mhux bħalkom naħdmu?”. “Se nagħmel jien meta nilħaq l-età tal-irtirar? Se jkolli nibqa’ naħdem għal dejjem. Din inġustizzja li ma ningħatawx pensjoni”.

Dawn huma mistoqsijiet li jagħmlu ħaddiema terzi. Mistoqsijiet li juru it-tħassib tagħhom dwar x’se jiġri fil-futur u fuq kollox kif se jgħixu. Realtà, li qed nibqgħu nitfugħa taħt it-tapit. Qed tiġi injorata. Xi ħaġa li ma tfisser xejn għajr tbatija kbira u inċertezza għal dawn il-ħaddiema meta jilħqu l-età tal-irtirar.

F’pajjiżna llum għandna ammont sew ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi. Ġejjin minn diversi żoni madwar id-dinja fosthom Afrikani u Asjatiċi. Dawn huma ħaddiema li qed jaħdmu  l-istess kif jagħmlu ħaddiema Maltin u ħaddiem oħra mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea f’Malta. Huma ħaddiema li ssibhom jaħdmu f’għadd kbir ta’ setturi fosthom fil-kostruzzjoni, dak tas-servizzi, agrikoltura, sajd, fil-qasam mediku u f’dak tal-ospitalità.

Jiddispjaċina ngħidu li dawn huma ħaddiema li ma’ wiċċhom qed isibu sitwazzjoni diskiminatorja għall-aħħar.  Għandhom  impjieg bħal ħaddiema oħra  iżda ma jieħdux l-istess benefiċċji bħalll-ħaddiema oħra.  

Dawn il-ħaddiema għandhom ma’ wiċċhom sitwazzjoni fejn jekk ma jissodisfawx ċerti kundizzjonijiet li jgħoddu ukoll għall-ħaddiema Maltin,  huma ma jikkwalifikawx għall-pensjoni. 

Dawn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi  biex jieħdu pensjoni iridu jgħaddu minn test ta’ 20 kontribuzzjoni għal kull sena xogħol. Ma’ dawn 10 snin f’impjieg u medja ta’ 50 kontribuzzjoni tul is-snin kollha biex jieħdu pensjoni.

Hemm ħaddiema u dawn m’humiex ftit li minħabba dawn il-kundizzjonijiet se jibqgħu bla pensjoni.

Faċli tgħid li la ma ssodisfawx il-kriterji jibqgħu b’xejn. Jaraw huma kif jgħixu. Din hi sitwazzjoni inkwetanti. Sitwazzjoni li se nkunu qed niffaċċjaw u narawha ukoll tiggrava fi ftit snin oħra.

Ovvjament m’hemmx dubju li dan hu fatt inkwetanti għax faċilment dawn il-persuni jistgħu jispiċċaw jaqgħu fil-faqar meta jilħqu l-età tal-pensjoni. Dawn il-persuni minn pajjiżi terzi, tista’ tgħid jgħixu ġurnata b’ġurnata. Dawn huma kategoriji ta’ ħaddiema li m’humiex koperti minn l-ebda ftehim bilaterali u dan hu wieħed mill-fatturi għaliex ma jikkwalifikawx għal pensjoni.

Bir-raġun kollu għandna immigranti minn pajjiżi terzi li ġew f’pajjiżna u wara xhur f’detenzjoni u f’ċentru miftuħ bdew jaqdfu għal rashom. Kien ġimgħat u xhur diffiċli. Fihom iffaċċjaw għadd ta’ ostakoli marbutin ma’ kirjiet u tiftix għal impjieg. 

U wara li jsibu l-impjieg jindunaw li huma mhux intitolati għal pensjoni. 

Nemmnu li s-sistema f’pajjiżna għandna tinbidel. Għandhom isiru r-riformi meħtieġa.  Dawn il-persuni minn pajjiżi terzi, għandhom jingħataw trattament ugwali fid-drittijiet bħall-benefiċċji soċjali u l-pensjonijiet.

Għandna sitwazzjoni f’pajjiżna fejn dawk l-immigranti li mhux eleġibbli għal status ta’ refuġjat, bħal donnhom jinsabu fi stat ta’ limbu. 

Nemmnu li pajjiżna għandu jara li tintemm din id-diskriminazzjoni. Diskriminazzjoni li tista’ titfa’ persuni fil-faqar fil-futur. 

Sport