Il-Pulizija Kanadiża sabet il-katavru ta’ wieħed miż-żewġt aħwa mfittxija b’rabta ma’ attakk bi skieken li ħalla 10 persuni mejta u 18 oħra midruba. Il-każ seħħ il-Ħadd li għadda fil-provinċja ta’ Saskatchewan.
Uffiċjal qal li Damien Sanderson ta’ 31 sena kellu ġrieħi li ma jidhrux li kienu kkawżati minnu stess, iżda ma ngħatawx aktar dettalji. Huwa nstab f’James Smith Cree Nation, il-komunità indiġena fejn għexu ħafna mill-vittmi.
Myles, li jiġi ħu Sanderson, għadu mfittex u kien deskritt mill-pulizija bħala bniedem perikoluż. Il-mottiv wara l-attakk għadu mhux magħruf. Minkejja li ma ġewx arrestati, huma qed ikunu akkużati bi qtil.
Matul il-jum tat-Tnejn, il-pulizija qalet li l-katavru ta’ Sanderson instab “f’żona mimlija ħaxix fil-viċinanza ta’ dar li kienet qiegħda tiġi eżaminata.” Ħuh, li għandu 30 sena, seta’ wkoll ġarrab xi ġrieħi u l-pulizija wissiet lill-pubbliku li jista’ jfittex l-assistenza medika. Minkejja dan, il-pulizija ma kinitx f’pożizzjoni li tgħid li jekk huwa kienx responsabbli għall-mewt ta’ ħuh.
Myles Sanderson, li huwa magħruf mal-pulizija, huwa deskritt bħala bniedem li għandu “kondotta kriminali estensiva u twila” li tmur lura għal numru ta’ snin.
Sadanittant, il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau qal li din it-tip ta’ vjolenza jew kwalunkwe vjolenza m’għandhiex post fil-pajjiż. Qal ukoll li “traġedji bħal dawn saru wisq komuni”.