Sunday, December 22, 2024

Mat-13,000 student u studenta se jkunu qed jagħmlu użu minn trasport b’xejn

Aqra wkoll

Wara li nhar it-Tnejn li għadda 7,962 edukatur u 780 kindergarten educators daħlu fl-iskejjel primarji u sekondarji għal din is-sena skolastika ġdida, ilbieraħ daħlu lura fuq il-bankijiet tal-iskola 27,484 student u studenta biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom, 15,297 fil-primarja u 12,187 fis-sekondarja.

Il-ġimgħa d-dieħla jkunu daħlu wkoll total ta’ 5,988 student fil-klassijiet tal-kinder biex 33,472 student u studenta jkunu bdew is-sena skolastika 2022-23 f’103 skola u istituzzjoni edukattiva tal-istat, fil-livell primarju u sekondarju.

Din is-sena l-Ministeru għall-Edukazzjoni qed jagħti servizz ta’ trasport b’xejn lil total ta’ 12,948 student u studenta, 3,522 fil-livell ta’ kinder u primarja u 9,426 fil-livell sekondarju.

“Ħidma li saret matul is-sajf flimkien ma’ diskussjonijiet mal-istakeholders, wasslet biex ilbieraħ rajna eluf ta’ studenti jidħlu mill-vaganzi tas-sajf biex jibdew sena skolastika ġdida. Jum importanti ferm għal dawn l-istudenti għaliex se jkomplu għaddejjin bit-tagħlim tagħhom li jwassalhom għal dak li huma jixtiequ fil-futur tagħhom,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isports, iż-Żgħażagħ, ir-Ricerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Huwa nnota wkoll li l-ħidma u d-diskussjonijiet li saru wasslu biex il-bidu ta’ sena skolastika ġdida kellu andament pożittiv ħafna.

Il-Ministru Grima kien qiegħed jikkummenta waqt żjarat li għamel f’diversi skejjel propju fit-tieni jum ta’ din is-sena skolastika. Fost oħrajn huwa żar l-Iskola Primarja ta’ San Ġwann fil-Kulleġġ ta’ Santa Klara u l-Iskola Sekondarja taż-Żokrija fil-Mosta, parti mill-Kulleġġ Maria Reġina.

Waqt dawn iż-żjarat, il-Ministru Grima awgura sena mill-aqwa lill-istudenti kollha kif ukoll irringrazzja lill-edukaturi tal-ħidma u tad-dedikazzjoni li juru mal-istudenti.

Il-ministru għall-edukazzjoni kkummenta wkoll dwar din is-sena skolastika li se tkun l-ewwel waħda wara s-sentejn tal-pandemija, li se tkun normali u fl-iskejjel tal-pajjiż se terġa’ tara l-attività kollha marbuta mal-ħajja studenteska. “Ninkoraġġixxi lill-istudenti kollha biex jieħdu sehem fl-attivitajiet extrakurrikulari li kull skola torganizza, għaliex dawn ukoll huma parti importanti mill-edukazzjoni tal-istudenti u jgħinu wkoll fil-formazzjoni ta’ kull wieħed u waħda mill-istudenti,” tenna l-Ministru Clifton Grima.

Il-ġimgħa d-dieħla, apparti d-dħul tal-istudenti fil-livell ta’ kindergarten, tibda s-sena skolastika u akkademika tal-MCAST, l-Università ta’ Malta u tal-istituzzjonijiet postsekondarji.

Ekonomija

Sport