Thursday, November 28, 2024

Matthew Grech jitressaq il-Qorti akkużat li ppromwova l-prattika illegali tat-terapija tal-konverżjoni għal persuni gay

Aqra wkoll

Dalgħodu Matthew Grech tressaq il-Qorti b’ċitazzjoni fejn ġie akkużat li ippromwova l-prattika illegali tat-terapija tal-konverżjoni għal persuni gay.
Miegħu tressqu wkoll id-diretturi tal-aġenzija PM News, Mario Camilleri u Rita Bonnici, li wrew b’mod dirett xandira ta’ Matthew Grech fejn allegatament kien qed jippromovi t-terapija tal-konverżjoni għal persuni gay.

Grech, jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “eks gay” wara li ikkonverta għall-eterosesswalità permezz tat-twemmin Nisrani tiegħu.

It-tliet persuni ġew mixlija li kisru l-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, u l-Espressjoni tal-Ġeneru billi rreklamaw it-terapija tal-konverżjoni.

Jekk jinstabu ħatja, qed jiffaċċjaw sentenzi potenzjali ta’ ħabs sa 5 xhur, flimkien ma’ multa ta’ bejn €1,000 u €5,000.

L-Avukat Emmy Bezzina li qiegħed jidher kemm għal Camilleri u anke għal Bonnici qal li dan hu każ ikkumplikat ħafna. Hu oġġezzjoni li l-klijenti tiegħu jiġu akkużati flimkien ma’ Grech. L-Avukat Bezzina sostna li l-klijenti tiegħu m’għandhomx jinżammu responsabbli għal dikjarazzjonijiet li saru minn xi ħadd ieħor, u talab li l-każijiet ikunu separati.

L-Avukat Cedric Mifsud, li deher għall-parte civile flimkien mal-avukat Ian Barbara,qal li l-akkużati kienu dehru lkoll fuq l-istess programm. Sostna li s-separazzjoni tal-każijiet ma tgħin xejn fil-kors tal-ġustizzja, u tirriżulta biss f’dewmien biex jinstema’ l-każ.

Il-Maġistrat Monica Vella osservat li Matthew Grech kien ippreżenta rikors ilbieraħ filgħaxija, li fih talab li xi xhieda tad-difiża jixhdu permezz ta’ video link liema talba ġiet miċħuda.

Il-każ ġie differit għal Ġunju, meta l-Qorti se tisma’ lix-xhieda tad-difiża kollha.
Inatnt grupp żgħir ta’ individwi mill-organizzazzjoni Kristjana evanġelika River of Love u mill-partit tal-lemin estrem ABBA nġabru quddiem il-Qorti jkantaw b’appoġġ għall-akkużati.

Sport