Wednesday, April 8, 2026

Maya Lucia … turi li b’determinazzjoni, talent u mentalità rebbieħa, il-futbol Malti jista’ jipproduċi plejers ta’ livell internazzjonali

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

L-isem ta’ Maya Lucia qed ikompli jissaħħaħ fix-xena tal-futbol tan-nisa, mhux biss f’Malta iżda wkoll barra minn xtutna, hekk kif kompliet tikteb kapitlu importanti fil-karriera tagħha ma’ Apollon Ladies f’Ċipru. Staġun li kien mimli sfidi, tkabbir u suċċessi issa wassalha biex terġa’ lura Malta għal impenji mat-tim nazzjonali, iżda b’għajnejha diġà fuq l-isfidi li ġejjin.

Apollon temmew l-istaġun bħala champions, minkejja li tilfu l-aħħar logħba tagħhom kontra Aris Limassol. B’kollox huma kisbu 39 punt, wara 12-il rebħa u tliet draws, u differenza ta’ gowls impressjonanti ta’ +44 li bla dubju hi statistika li turi d-dominanza tagħhom tul il-kampjonat. F’dan il-kuntest kompetittiv, Lucia kellha rwol importanti, anke jekk fl-aħħar partita daħlet bħala sostituta fit-tieni taqsima.

Iżda lil hinn min-numri u r-riżultati, l-esperjenza tagħha f’Ċipru kienet waħda li bidlet il-

mod kif tara lilha nnifisha bħala plejer professjonali. F’intervista li kellha ma’ dan is-sit, hija ddeskriviet din is-sena bħala waħda mill-aktar importanti fil-karriera tagħha.

“Kienet esperjenza inkredibbli u ninsab verament grata għall-opportunità. Il-livell tat-taħriġ huwa għoli ħafna u l-iskwadra mimlija plejers ta’ kwalità kbira, minn elementi li ġew minn akkademji ta’ klabbs Ingliżi sa plejers oħra ta’ timijiet nazzjonali ewlenin. Imma fuq kollox, sibt grupp ta’ ħbieb straordinarju li ma tistax ma tħobbhomx,” spjegat Lucia.

Dan l-ambjent professjonali għenha tikseb kunfidenza li qabel kienet nieqsa minnha. Hija stqarret kif fil-passat kienet tħoss differenza kbira bejnha u plejers oħra li trabbew f’sistemi aktar żviluppati.

“Qabel kont inħossni xi ftit differenti minn xi plejers oħra għax kont nikkompeti ma’ atleti li trabbew f’ambjent professjonali. Jien kont nitħarreġ waħdi għal sigħat twal, waqt li huma kellhom taħriġ speċifiku kuljum. Dan affettwani mentalment,” qalet.

Madankollu, din is-sena kienet punt ta’ bidla. “Indunajt li l-livell tiegħi mhux inqas minn ħaddieħor. Meta fhimt dan, bdejt nilgħab mingħajr dubji. Issa nħossni plejer kompletament differenti minn sentejn ilu.”

Lucia, li tista’ tilgħab kemm fid-difiża kif ukoll f’nofs il-grawnd, diġà ilha erba’ snin tilgħab barra minn Malta hekk kif l-esperjenza li bdiet fil-Polonja ma’ Gdańsk, kompliet fl-Italja ma’ Genoa u imbagħad fil-Kroazja ma’ Split u Osijek. Kull pass għen biex tibni karriera soda u tikber kemm bħala atleta kif ukoll bħala persuna.

“Minkejja li ngħix waħdi u ’l bogħod mill-familja, qatt ma waqaft nemmen fil-ħolma tiegħi. Setgħet kienet faċli li nibqa’ Malta u nagħżel triq oħra, imma jien għażilt li nsegwi l-futbol professjonali għax naf li dan hu li rrid,” spjegat.

Il-ħajja barra minn Malta mhix faċli, iżda hija mimlija opportunitajiet. It-taħriġ intensiv, li xi drabi jinkludi żewġ jew tliet sessjonijiet kuljum, jgħinha tkompli tiżviluppa.

“Hawnhekk kull sessjoni hija opportunità biex titjieb. Il-livell ta’ preparazzjoni hu ferm ogħla minn dak li kont imdorrija bih, u dan jagħmlek aktar dixxiplinata u ffukata.”

Il-kontribut tagħha qatt ma jieqaf fuq livell ta’ klabb. Lucia hija wkoll parti importanti mit-tim nazzjonali Malti tan-nisa, li riċentement kiseb promozzjoni storika għal Grupp B fil-UEFA Women’s Nations League. Dan kien pass kbir għall-futbol tan-nisa f’Malta, u hi kienet waħda mill-protagonisti.

Riċentement hija ħadet sehem fil-logħbiet kontra t-Turkija u l-Iżvizzera, u issa qed tħares ’il quddiem għal żewġ konfronti importanti kontra l-Irlanda ta’ Fuq.

Minkejja l-isfidi, Lucia tibqa’ determinata li tkompli timxi ’l quddiem. Fil-fatt, hija kkonfermat li wara dan l-istaġun se tkun qed tiffirma ma’ waħda mill-akbar aġenziji fid-dinja tal-futbol tan-nisa, pass li jista’ jiftaħ bibien ġodda fil-karriera tagħha.

“Għad għandi biss 22 sena u nemmen li għad għandi ħafna x’noffri. Nixtieq nibqa’ nilgħab għal ħafna snin oħra, possibilment sa 40 sena. Wara kollox il-futbol hu ħajti.”

Hija tkellmet ukoll dwar kemm kienet speċjali għaliha li tirbaħ trofew barra minn pajjiżha.

“Grata ħafna li jien parti minn Apollon Ladies, klabb rispettat madwar l-Ewropa. Li tirbaħ trofew barra minn pajjiżek hija xi ħaġa speċjali ħafna. Kull sena li nilgħab ma’ klabbs b’saħħithom hija unur u dejjem nagħti kollox.”

Lucia ma tinsiex ukoll l-importanza tal-motivazzjoni u d-dixxiplina.

“L-importanti hu li temmen fik innifsek. Il-futbol professjonali mhuwiex faċli, imma jekk taħdem b’dedikazzjoni u determinazzjoni, tista’ tilħaq livelli għoljin.”

Bħala figura ta’ ispirazzjoni għall-bniet u tfajliet Maltin, hija għandha messaġġ ċar:

“Qatt taqta’ qalbek. Anke meta jkun diffiċli, trid tibqa’ temmen fik innifsek. Id-dixxiplina u l-passjoni huma kollox.”

Filwaqt li Apollon issa jħarsu lejn il-finali tat-tazza Ċiprijotta tan-nisa fejn se jerġgħu jiltaqgħu ma’ Aris, Lucia qed tipprepara biex tagħlaq staġun memorabbli u tiftaħ ieħor mimli opportunitajiet ġodda.

B’determinazzjoni, talent u mentalità rebbieħa, Maya Lucia qed turi li l-futbol Malti jista’ jipproduċi plejers ta’ livell internazzjonali. U jekk din is-sena kienet waħda ta’ affermazzjoni, il-futur jidher saħansitra aktar promettenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport