Wednesday, December 25, 2024

Mċaħħad mill-gradwazzjoni tiegħu fl-MCAST għax beża’ jieħu t-tilqima kontra l-Covid-19

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Ġuvni ta’ 17-il sena li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu ġie miċħud milli jattendi għaċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni  tiegħu mill-MCAST minħabba li ma ħax it-tilqima ta’ kontra l-Covid-19. Dan il-każ qajjem rabja fil-midja soċjali fejn ittella’ vidjow b’messaġġ qawwi biex mingħajr ma ndaħħlu l-politika fin-nofs, l-awtoritajiet li tant iħeġġu u jinvestu fl-inklużjoni, jibdew juru l-istess inklużjoni lill-ġenituri u lit-tfal involuti “bil-fatti u mhux biċ-ċerimonji biss”.

Din l-hekk imsejħa “inġustizzja” fuq dan il-ġuvni seħħet riċentement meta huwa ġie infurmat mill-MCAST li ma jistax jattendi ma’ sħabu l-gradwazzjoni għax m’huwiex imlaqqam. Dan meta l-istess ġuvni kien se jkun fl-istess grupp (bubble) ma’ sħabu u edukaturi li kien qiegħed ikun dejjem magħhom tul il-kors tiegħu, inkluż riċentement fi żmien il-pandemija.

Fl-appell ġie spjegat li minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħa tiegħu, dan il-ġuvni, li kapaċi jirraġuna u jieħu d-deċiżjonjiet li jolqtu direttament lilu, irrifjuta t-tilqima tal-Covid-19 għax beża’ li din tista’ tiggravalu l-kundizzjoni tal-awtiżmu li għandu. Il-ġenituri jingħad li ma sfurzawhx minħabba li beżgħu li l-pressjoni tista’ tagħmel ħsara mentali fuq l-għażiż binhom.

Talk.mt wassal dan l-ilment lill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-MCAST fejn qalulna li min-naħa tagħhom jifhmu li ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni hija importanti għall-istudenti kollha. Minkejja dan, il-kelliema spjegat li, “l-MCAST irid isegwi l-istandards u l-linji gwida obbligatorji tal-Awtorità tas-Saħħa għal avvenimenti organizzati li jsiru f’żona magħluqa. Skont dawn ir-regoli, dawk kollha li jattendu jridu juru ċ-ċertifikat tal-vaċċin”.

Dan il-ġuvni u familtu jingħad li huma ddiżappuntati ferm għal din deċiżjoni minħabba l-fatt li biex dan l-istudent bl-awtiżmu wasal li jiggradwa minkejja l-kundizzjoni tiegħu, juri kemm kien hemm snin ta’ dedikazzjoni, sagrifiċċji u persistenza biex huwa jirnexxi fl-istudji tiegħu.

Biex persuni b’kundizzjonijiet tas-saħħa bħalma huwa l-awtiżmu jkunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti għandhom bżonn l-għajnuna u mhux ikunu esklużi. Fil-messaġġ fuq il-midja soċjali ngħad li ladarba dan il-ġuvni beża’ jieħu t-tilqima, xejn ma jista’ jikkonvinċih mod ieħor u għaldaqstant, “ma kellux jiġi mċaħħad milli jattendi għall-gradwazzjoni fuq biċċa vaċċin meta mbagħad preżentament qegħdin isiru tant avvenimenti tal-massa”.

Dan il-ġurnal irrefera dan il-każ ukoll lill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja iżda sakemm ġejna għall-istampa kienu għadhom ma rrispondewx.

Ekonomija

Sport