Tuesday, December 24, 2024

MDA Summer League: Jintlagħbu s-semi-finali

Aqra wkoll

Floriana Ajax kisbu rebħa kbira ta’ 6-0 kontra PO’s Bar fl-ewwel leg tas-semi-finali tal-kampjonat nazzjonali tas-sajf organizzat mill-MDA.

Kif jindika l-iskor, il-Furjaniżi ddominaw għal kollox dan il-konfront fejn Anthony Borg, Eucharist Baldacchino, John Ciantar, Twanny Roberts, Vince Bonnici u Vincent Busuttil għelbu lil Anthony Scicluna, Joseph Muscat, Paul Aquilina, Leli Borg, Martin Sacco u Simon Camilleri bl-iskor identiku ta’ 3-1. B’hekk l-Ajax huma favoriti sabiex ikunu l-ewwel finalisti ta’ din il-kompetizzjoni.

Mill-banda l-oħra, il-konfront bejn Ħamrun Bayern u Manchester Conquest Pub kien wieħed ferm bilanċjat kif jindika l-iskor finali ta’ 3-3.

Kienet logħba ta’ botta u risposta, bil-Ħamruniżi dejjem fil-vantaġġ iżda bit-tim mill-Kottonera li dejjem ġab l-iskor indaqs.

F’din il-logħba, Alfred Muscat għeleb lil Ivan Bozhinovski 3-0 b’Manchester Conquest Pub li jġibu d-dro wara li Stefan Licari għeleb lil George Borg 3-2.

Ħamrun reġgħu marru minn fuq meta John Agius għeleb lil Ray Gera 3-2, b’John Cutajar jirrispondi u jirbaħ 3-0 lil Marvic Micallef.

Mario Sciascia kiseb rebħa ta’ 3-2 kontra John Ciantar sabiex Lorenz Spiteri ġab l-iskor indaqs għal Manchester Conquest Pub wara li għeleb lil Godwin Borg 3-1.

It-tieni ta’ dawn is-semifinali jintlagħbu fis-6 ta’ Settembru bil-finali skedata għall-15 ta’ Settembru.

Ekonomija

Sport