Tuesday, May 14, 2024

Medda ta’ art abbandunata tinbidel fi spazju rikreattiv f’San Ġwann

Ġnien il-Hibiscus : L-ewwel pocket garden f’San Ġwann

Aqra wkoll

Minn art abbandunata b’medda ta’ 190 metru kwadru, Ġnien il-Hibiscus f’San Ġwann ġie trasformat bħala l-ewwel pocket garden, grazzi għal Parks Malta .  Dan il-ġnien se jservi ta’ eżempju għal parks u ġonna oħra li se jiġu rriġinerati fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Ġnien il-Hibiscus f’San Ġwann, ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, flimkien mad-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard u s-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech.

“Tul dawn l-aħħar xhur ħabbarna diversi proġetti ta’ spazji miftuħa mifruxa madwar Malta. B’kollaborazzjoni ma Parks Malta u diversi Kunsilli Lokali qed naħdmu biex niżviluppaw u nittrasformaw postijiet fil-qalba tal-kommunitajiet tagħna fi spazji miftuħa, biex hekk ir-residenti jkunu jistgħu jgawdu ambjent isbaħ qrib djarhom,” qalet il-Ministru Dalli.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat  kif il-proġett ta’ San Ġwann huwa eżempju kif Parks Malta se tkun qed timplimenta spazji miftuħa fil-komunità bbażat fuq il-ħtiġijiet u x-xewqat tal-kunsilli lokali u l-komunità.

Ġnien il-Hibiscus  issa għandu bankijiet, siġar, vaska u varjetà ta’ ħwawar aromatiċi li jkomplu jsebbħu dan l-ispazju miftuħ. Għal dan il-ġnien intgħażlu pjanti apposta li huma ideali għall-klima Maltija peress li jikbru u jinżammu faċilment f’temperaturi li mdorrijin bihom.

Dan il-ġnien ikopri wkoll sistema ta’ tisqija minn ħażna tal-ilma tax-xita, li se tkun qed isaqqi l-pjanti b’mod awtomatiku bl-ammont li jkun meħtieġ, mingħajr ħela t’ilma.

L-għan ta’ dawn il-proġetti huma li jagħtu nifs lir-residenti li jgħixu f’żoni urbani madwar Malta, fejn żoni dilapitati qed jiġu trasformati fi spazji miftuħa u għalhekk ir-residenti ma jkollhomx għalfejn joħorġu ‘l barra mil-lokalità tagħhom biex igawdu n-natura.  

“Dan il-ġnien qiegħed f’żona urbana u propju għalhekk rajna li jkollna siġar u pjanti li jikkontribwixxu għall-assorbiment tal-karbonju mill-arja,” spjegat il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta Adrian Attard qal li bħalissa għaddejjin b’diversi kollaborazzjonijiet ma’ Kunsilli Lokali biex Parks Malta tkompli timplimenta l-viżjoni ta’ dan il-Gvern għal aktar spazji miftuħa.

Sport