Wednesday, April 24, 2024

Melita Foundation tisponsorja sistema ta’ drip irrigation għall-ġnien tad-Dar tal-Providenza

Aqra wkoll

Il-Melita Foundation sponsorjat sistema ta’ drip irrigation għall-mixtla taż-żebbuġ li hemm fil-ġnien tad-Dar tal-Providenza. Il-mixtla, li saret matul is-snin bil-għajnuna ta’ diversi benefatturi, hija waħda mill-postijiet l-aktar imfittxija mir-residenti tad-Dar fis-Siġġiewi. Barra minn hekk, iż-żebbuġ li jintgħasar, jinbiegħ mir-residenti waqt attivitajiet folkloristiċi li jkunu organizzati f’diversi lokalitajiet f’Malta matul is-sena. Id-Dar toffri servizzi residenzjali f’ambjent ta’ familja lil persuni b’diżabilità.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li “L-impenn tad-Dar minn dejjem kien li nippromwovu bis-sħiħ l-iżvilupp personali ħolistiku tar-residenti kollha tagħna, li essenzjalment jinkludi wkoll ħin imwaħħad man-natura. L-ispazju u t-trankwilità li tipprovdi l-mixtla taż-żebbuġ u x-xogħol li jistgħu jagħmlu fih, huma ta’ benefiċċju enormi għalihom. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon għalina li grazzi għall-Melita Foundation, issa għandna moħħna mistrieħ li ma rridux noqogħdu ninkwetaw li rridu nsaqqu b’mod manwali kuljum aktar minn 300 siġra taż-żebbuġ li għandna fil-ġnien.” 

Iċ-Chairperson tal-Melita Foundation, il-Prof. Tanya Sammut Bonnici, qalet li “Għal aktar minn 50 sena, id-Dar tal-Providenza ipprovdiet appoġġ mill-aqwa lill-persuni b’diżabilità. Dan setgħet tagħmlu wkoll bis-saħħa tal-appoġġ u l-ġenerożità ta’ eluf ta’ Maltin li bis-saħħa tagħhom għandha r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa għall-operat tal-post. Matul is-snin, kemm Melita kif ukoll il-Melita Foundation appoġġaw il-ħidma tad-Dar u din il-koperazzjoni se tara li jiġi żgurat li r-residenti jkomplu jgawdu l-paċi, is-sbuħija u l-benefiċċji l-oħra li toffri l-mixtla taż-żebbuġ.”

Aktar informazzjoni dwar il-Melita Foundation tista’ tinstab fuq is-sit https://www.melitafoundation.org/ 

Sport