Ir-raġel li daħal fil-Bank Federali tal-Libanu u żamm numru ta’ persuni ostaġġi qed jitqies bħala eroj mill-pubbliku.
Dan wara li l-Libanu daħħal numru ta’ regoli stretti fejn jidħol ġbid ta’ flus mill-klijenti minħabba sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika li ilha tinħass fil-pajjiż speċjalment f’dawn l-aħħar tliet snin.
L-azzjoni tiegħu mhux talli ma ħolqotx reazzjonijiet ta’ rabja fost il-pubbliku, talli diversi persuni nġabru barra mill-bank u bdew iħeġġuh biex jibqa’ sod fit-talba tiegħu.
Fortunatament wara sitt sigħat ta’ negozjar intlaħaq ftehim biex ir-raġel jingħata parti mill-flus depożitati u ħadd ma ndarab waqt dan il-proċess. S’issa mhux magħruf jekk ir-raġel huwiex se jkun qiegħed jaffaċċja akkużi relatati mal-każ.
Skont rapporti fil-midja jidher li r-raġel wasal biex jagħmel li għamel minħabba li kellu xi qraba l-isptar u kien jeħtieġ il-flus biex iħallas għall-kura meħtieġa. “Ħija għandu $210,000 il-bank u kulma qiegħed jitlob li jingħata $5,500 minnhom biex iħallas l-ispejjeż tal-isptar”, qal ħuh lill-midja.
Il-pajjiż jinsab f’nofs waħda mill-aktar kriżijiet ekonomiċi severi fid-dinja fi żminijiet moderni – u l-effett qed jinħass aktar u aktar minħabba l-għoli tal-ħajja li qed ikompli jiżdied u hemm nuqqas ta’ qamħ u mediċini fost affarijiet oħra.
Il-munita lokali tal-Libanu tilfet aktar minn 90 fil-mija tal-valur tagħha mill-bidu tal-kriżi. Skont statistika maħruġa min-nazzjonijiet uniti 80 fil-mija tal-popolazzjoni qegħdin jgħixu fil-faqar.