ACTion Productions se tkun qed tippreżenta l-pantomima MERLIN, taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Sonic J. Aquilina Glynn. Din il-produzzjoni se tittella’ bejn il-Ġimgħa 11 u l-Ħadd 13 ta’ Diċembru fit-Teatru Dun Mikiel Xerri, Haż-Żebbuġ. L-udjenza se tkun mistiedna tidħol f’dinja ta’ fantasija, maġija u divertiment, iżda bi storja li żgur mhix se tkun dik li kulħadd qed jistenna!
ACTion Productions ilha magħrufa għall-għażla tagħha li tibni l-pantomimi madwar stejjer tal-fantasija u ħrejjef popolari, iżda dejjem b’interpretazzjoni oriġinali li tmur lil hinn mill-istorja tradizzjonali. Din is-sena, il-produzzjoni għażlet li tesplora karattru li forsi mhux daqstant komuni fid-dinja tal-pantomima, iżda li ismu ilu għal sekli sħaħ marbut mal-maġija u l-leġġendi: Merlin.
Bħalma jagħmlu dejjem, ACTion Productions qatt ma tieqaf ma’ karattru wieħed. Din id-darba, l-avventura ta’ Merlin se tkun minsuġa ma’ tliet stejjer oħra magħrufa sew: Harry Potter, Hocus Pocus u Macbeth. Tliet dinjiet differenti li se jingħaqdu mal-leġġenda ta’ Merlin f’pantomima waħda, mimlija sitwazzjonijiet mhux mistennija, misteri u, fuq kollox, doża tajba ta’ umoriżmu.
Fost l-elementi ewlenin tal-istorja nsibu x-xabla leġġendarja Excalibur, li din id-darba se jkollha rwol importanti ħafna. Imma għaliex kulħadd iridha? X’hemm daqshekk speċjali fiha? U sa fejn huma lesti jaslu ċerti karattri biex jiksbuha?
Naturalment, pantomima ta’ ACTion Productions ma tkunx kompluta mingħajr dak li jagħmilha tant speċjali: id-daħk, il-mużika, iż-żfin u, fuq kollox, is-satira. Hija proprju s-satira li tibqa’ fil-qalba ta’ din il-produzzjoni, b’sitwazzjonijiet komiċi, ċajt u referenzi li l-udjenza żgur se tagħraf u tapprezza.
Ma’ dan kollu jingħaqdu l-interpretazzjonijiet ta’ karattri differenti li flimkien se joħolqu spettaklu mimli ħajja u enerġija. It-taħlita bejn il-ġenerazzjonijiet u t-talenti differenti li jiffurmaw parti minn ACTion Productions hija wkoll aspett importanti ta’ din il-produzzjoni, fejn il-palk isir spazju ta’ kollaborazzjoni, kreattività u esperjenza teatrali.
Jekk Excalibur hijiex tassew iċ-ċavetta għal dak kollu li qed jiġri f’Camelot, x’hemm wara n-nuqqas ta’ ċelebrazzjonijiet tal-Milied u x’se jkun id-destin ta’ Merlin, huma mistoqsijiet li t-tweġibiet tagħhom se jinkixfu biss fuq il-palk.
Il-pantomima MERLIN se tittella’ bejn il-11 u t-13 ta’ Diċembru fit-Teatru Dun Mikiel Xerri. Dawk interessati li jattendu jistgħu jiksbu l-biljetti tagħhom minn https://eventworks.mt/merlin, permezz tal-paġna ta’ Facebook tal-ACTion Productions jew billi jċemplu fuq 7933 7273.
