Friday, December 13, 2024

Messaġġ b’saħħtu għall-protezzjoni tal-vittmi ta’ dawk li jabbużaw mil-libertà tal-espressjoni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jekk għandi dispjaċir, huwa li dak li għadna m’aġixxejniex b’mod b’saħħtu sabiex nipproteġu lill-vittmi ta’ dawk li jabbużaw mil-libertà tal-espressjoni.” Qal dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard waqt forum dwar il-media u l-informazzjoni fil-Parlament. 

Il-Ministru Attard tkellem dwar l-impenn tal-Gvern mhux biss li jipparteċipa fid-diskussjonijiet fuq livell Ewropew dwar id-direttiva Anti-Slapp, imma wkoll l-appelli li għamel sabiex wasalna għal test ambizzjuż.

Huwa qal li dan l-impenn kien rifless fil-fatt li Malta kienet l-ewwel stat membru li ttraspona d-direttiva fil-liġijiet tiegħu. Issa li dan il-pass sar, nistgħu nerġgħu niffukaw fuq l-abbozzi ta’ liġijiet li l-Gvern fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura ressaq quddiem il-Parlament Malti, biex joffru aktar protezzjoni lill-media, u li twaqqfu fuq il-premessa li għandha ssir aktar konsultazzjoni.

Dawn l-abbozzi kienu jikkonsolidaw ir-rakkomandazzjonijiet li kienu saru minn grupp ta’ esperti maħtura fuq rakkomandazzjoni tal-inkjesta pubblika marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Il-Ministru Attard però nnota li sadanittant hemm min, inkluż professjonisti legali, li qed jistaqsu dwar l-inadekwatezza tar-rimedju tal-libell ċivili u anke dwar il-limitu tad-danni, li kien stabbilit 28 sena ilu.

Huwa sellem lil dawk kollha li sfaw vittmi ta’ min kien u għadu qed jabbuża mil-libertà tal-espressjoni. “Insellem mhux biss lil dawk li bħal Carmelo Abela, li bil-kuraġġ u l-perserveranza ddefenda l-integrità tiegħu fil-Qrati, imma anke lil dawk li naqashom il-kuraġġ għaliex jaraw li r-rimedju offrut mhu rimedju xejn”. 

Qal li jekk irridu diskussjoni mnebbħa mis-sewwa, dawn huma temi li rridu niddiskutuhom. Irrefera għal dawk iż-żgħażagħ li qed ikunu suġġett ta’ żebligħ fuq l-internet f’perjodu li jaf jimmarkalhom ħajjithom għal għomorhom, kif ukoll dawk il-persuni fil-ħajja pubblika li mhux biss spiċċaw suġġett ta’ kritika, dik parti mill-irwol tagħhom, imma li spiċċaw imżebilħa b’dettalji personali li m’għandhom ebda skop u użu pubbliku.

Huwa temm jgħid li fadal ħafna xi jsir u l-Gvern huwa impenjat li jkun minn ta’ quddiem għal aktar riformi fl-iżvilupp demokratiku ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li appella biex forums ta’ dan it-tip, fil-Parlament, għandhom jiġu organizzati mill-Uffiċċju tal-Ispeaker, sabiex ikun assigurat li jkunu espressi tassew il-fehmiet ta’ kulħadd u flimkien inkomplu nsaħħu l-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport