“Qegħdin hawn biex nibagħtu messaġġ ċar favur responsabbiltà personali, ta’ kulħadd, għalina lkoll, li jiżdied magħha d-deterrent li qed nipproponu li nsaħħu. Messaġġ ċar li ma tistax tipperikola l-ħajja ta’ ħaddieħor.” Stqarr dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fil-Parlament meta beda jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi li ressaq il-Gvern għal aktar infurzar fit-toroq.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri enfasizza li bħala Parlament għandhom poter b’saħħtu ħafna li jsaħħu d-deterrent fil-liġijiet tagħna u bl-emendi li qed iressqu ’l quddiem se jwasslu għal toroq aktar siguri “għax ikun hemm aktar persuni li jaġixxu minn jeddhom b’mod responsabbli.”
Huwa qal li l-emendi proposti jinkludu testijiet tad-droga mill-pulizija, fit-triq, simili għall-mod li llum isir tal-alkoħol. Hawn semma kif diversi professjonisti rreferew għal realtajiet differenti fosthom ta’ persuni li jieħdu ċertu mediċina fuq ordni tat-tabib jew min jista’ jkun pejjep ġranet qabel u jista’ jimmarka f’test li jittieħed.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Camilleri qal li filwaqt li jħares ’il quddiem li jisma’ u jiddiskuti dan kollu anke fl-istadju eventwali ta’ Kumitat, mhuwiex lest li jiċċaqlaq minn approċċ ta’ tolleranza żero fuq min jipperikola l-ħajja ta’ ħaddieħor bla bżonn. “Naħseb li għandna nibqgħu b’dak it-tip ta’ approċċ.”
Proposta oħra hi dik ta’ ‘Random Roadside Testing’, fejn testijiet fuq id-droga jew l-alkoħol isiru anke mingħajr suspett raġonevoli. Hawn il-Ministru Camilleri spjega li l-apparat li se jintuża għal dawn it-testijiet tad-droga huwa l-istess li jintuża f’diversi pajjiżi Ewropej oħra.
Barra minn hekk, qed ikun propost li tingħata sentenza ta’ priġunerija effettiva għal min jinstab ħati li qatel persuna anke b’mod involontarju, jekk dak sar tort tiegħu taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga. B’dan il-mod titneħħa l-possibilità ta’ sentenza sospiża. “Importanti li dak li niddeċiedu dwaru jkun jgħaddi mit-test ta’ proporzjonalità li nixtiequ li jkun hemm fil-liġijiet tagħna.”
Il-Ministru Camilleri qal ukoll li se jkunu qed jissaħħu l-pieni għal min jagħżel li jsuq xurban jew taħt l-effett tad-droga, b’multi eħrex għad-dispożizzjoni tal-Qorti. Qed ikun propost li multi ta’ €1,800 jitilgħu għal €2,500 u multi ta’ €3,000 jitilgħu għal €5,000.
Fl-aħħar u mhux l-inqas, b’dawn l-emendi kif proposti, se jingħata poter lill-Prosekuzzjoni sabiex titlob li l-liċenzja tas-sewqan tkun sospiża meta l-proċeduri jkunu pendenti. Wara tkun il-Qorti li tiddeċiedi din it-talba.
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li dak li qed jiġri propost mhux pass iżolat hekk kif fl-aħħar snin żdied ħafna l-infurzar tant li mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar t’Awwissu, il-Pulizija wettqu ’l fuq minn 2,300 spezzjoni fit-toroq (road checks). Dan filwaqt li fi ħdan il-Korp twaqqfet ukoll ir-Roads Policing Unit. Huwa semma wkoll kif mill-2022 sal-lum inħarġu mat-38,000 taħrika b’rabta mal-użu tal-mobile waqt is-sewqan.
“Ejja niffaċċjaw ir-realtà li għandna quddiemna. Għalhekk ġejna b’dawn il-bidliet leġiżlattivi. Dan iwassalni għall-iktar punt importanti. Minkejja s-sanzjonijiet u li jsiru diversi spezzjonijiet fit-toroq, jinħarġu multi, xorta qed jibqa’ jkollna min jabbuża u jissogra mhux biss il-ħajja tiegħu imma l-ħajja ta’ ħaddieħor.
“Kollox idur mar-responsabbiltà li għandna kull wieħed u waħda minna. Il-vettura tista’ tkun arma. Għalhekk nitkellmu kontinwament fuq bidla fil-kultura li hemm bżonn. Il-messaġġ huwa ċar. Qed insaħħu d-deterrent. Tipperikolax il-ħajja ta’ ħaddieħor. B’mod għaqli jkollna soċjetà aħjar. Jekk kulħadd ikun responsabbli, ikollna soċjetà ħafna aħjar. Din hi riforma li minnha tista’ tgawdi s-soċjetà kollha,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott sostna li dan l-abbozz qed jillimita u jinkludi biss f’każijiet ta’ persuni li jmutu u każijiet li jkollok is-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol u d-droga. “L-Oppożizzjoni qed tgħid ejja niftħuha aktar. Xi ħadd li jintlaqat u jispiċċa għomru fis-sodda, din il-liġi mhux qed tolqtu… xi ħadd li kellu dannu permanenti ieħor mhux se taffettwah din il-liġi.”
Carabott kompla jgħid: “ejja nwasslu messaġġ li kull tip, kull bżonn ta’ dixxiplina li naraw illi fit-toroq tagħna jkollna serħan il-moħħ. Ċert li wara dan id-dibattitu, jekk ikun hawn rieda tajba miż-żewġ naħat tal-Kamra, kapaċi ngħidu dan l-abbozz huwa tajjeb, kif qed tgħid l-Oppożizzjoni, però nistgħu nagħmlu aħjar u nistgħu niftħu dan l-abbozz biex jolqot każi oħra.”
Waqt dan l-istess dibattitu tkellmet is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg li sostniet li b’din ir-riforma qed jintbagħat messaġġ ċar li mhux se jkun ittollerat aktar dan l-abbuż sfaċċat li jġib miegħu konsegwenzi gravi fosthom korrimenti u telf ta’ ħajjiet. Tenniet li s-sewqan taħt l-influwenza tad-droga u tal-alkoħol mhuwiex kontravenzjoni iżda reat serju għax ipoġġi fil-periklu lis-sewwieq, lill-passiġġieri li jkollu miegħu u lil persuni terzi li jkunu fit-triq.
“Għalhekk huwa sewwa u xieraq li fejn jirriżulta li f’dawn il-każijiet ikun hemm qtil involontarju dawn l-emendi mhux se jkun hemm aktar possibbli li jingħataw sentenzi sospiżi għax il-Qorti se tkun obbligata li tagħti sentenza effettiva ta’ ħabs,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg. “Din il-liġi hi intiża biex naraw bidla fil-kultura, bidla fil-mentalità.”