Saturday, October 26, 2024

Messaġġ ċar li rridu nwieġbu b’umiltà

Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jindirizza lill-partitarji li nġabru quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun wara r-rebħa li kiseb il-PL fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ddikjara li l-messaġġ li bagħat il-poplu f’din l-elezzjoni se jkunu qegħdin iwieġbu għalih b’umiltà.


Il-Prim Ministru beda d-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu tal-fiduċja li għoġobhom jerġgħu jisilfuhom. Qal li l-kampanja li ressqu ‘l quddiem f’dawn l-elezzjonijiet kienet waħda pożittiva u li nbniet madwar ir-realtajiet, il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tan-nies.


“Qsamna flimkien dak li intom temmnu li għandu jmexxina ‘l quddiem għall-futur ta’ dan il-pajjiż li tant inħobbu. Messaġġ ta’ poplu li wera li ma jemminx f’kampanji ta’ negattività iżda jemmen li għandu fiduċja f’dan il-partit li jista’ jibqa’ jmexxi lil dan il-pajjiż ‘il quddiem u jindirizza l-isfidi. U għal dawk l-isfidi, joffri s-soluzzjonijiet,” qal il-Prim Ministru.


Huwa rrikonoxxa wkoll li din id-deċiżjoni tal-poplu qiegħda tiġi f’nofs leġiżlatura u għaldaqstant qed jintbagħat messaġġ b’saħħtu ta’ fiduċja. “Iżda hemm messaġġi oħra li llum qiegħed hawn quddiemkom biex ngħidilkom li bl-azzjonijiet u l-ħidma tagħna se nkunu qed nuru kemm fhimnihom.”


Tenna li dan il-messaġġ se jwieġbu għalih b’aktar umiltà, b’ħafna aktar ħidma u b’idejhom aktar fuq il-polz tan-nies billi jkunu aktar sensittivi għar-realtajiet tagħhom. Il-Prim Ministru qal li dan il-pajjiż wera illi fl-aktar mumenti ta’ sfida, fadal il-Partit Laburista fit-tmexxija tal-pajjiż.


“U hekk għadu jemmen illum. Dik kienet deċiżjoni waqt pandemija fejn urejna li fl-aktar mumenti diffiċli fimna kif nipproteġu l-ekonomija tal-pajjiż u s-saħħa tal-poplu Hekk meta ġiet gwerra u tnejn rajna li bqajna mhux biss saqajna mal-art imma fhimna li rridu nkunu t-tarka tal-poplu.”


Il-PM tenna li filwaqt li ħaddieħor bħalissa qiegħed jiċċelebra telfa, huwa mhux qiegħed hawn sabiex jiċċelebra rebħa imma biex juri illi l-messaġġ tan-nies se jkun qiegħed iwieġeb għalih b’umiltà.


Huwa nnota wkoll kif in-nies bagħtu messaġġ ċar illi jistennew illi dal-pajjiż ikollu politiċi li jkunu awtentiċi, integri, responsabbli u jipprattikaw politika responsabbli. “Dak li qed jgħidulna n-nies jifhmu illi ħadd mhu perfett imma jifhmu wkoll li jridu verżjoni dejjem aqwa tal-PL, verżjoni aqwa tiegħi, li nibqa’ nindirizza l-aspettattivi tagħkom.


“Dak li se nagħmel minn għada filgħodu. Jien flimkien mat-tim imemxxi minni ġejna hawn biex nibagħtu messaġġ ċar li se nxammru l-kmiem għal ħafna u ħafna aktar ħidma bi’risq l-interessi ta’ kull wieħed u waħda minnkom, b’risq l-interessi tal-pensjonanti, taż-żagħżagħ, self employed, negozji u s-setturi kollha tas-soċjetà.”


Il-Prim Ministru temm iwiegħed li dik is-saħħa li silfuhom, se jkunu qegħdin irodduha lura f’ħafna u ħafna aktar ħidma u riformi.

Sport