Saturday, November 23, 2024

“Messaġġ ċar li t-traffikar uman mhuwiex aċċettabbli”

Aqra wkoll

Il-Women’s Rights Foundation twissi li r-regolamentazzjoni tal-prostituzzjoni ssaħħaħ lit-traffikanti u ssikket lill-vittmi

Minn – CARMEN CACHIA

Din il-ġimgħa l-Qorti kkonfiskat erba’ massage parlours wara li rriżulta li dawn il-ħwienet, li suppost jagħtu s-servizz tal-messaġġi, fil-verità kienu qegħdin jintużaw għal traffikar uman bi skopijiet ta’ prostituzzjoni. Fl-istess sentenza, is-sidien ta’ dawn il-ħwienet li kienu tant krudili fil-konfront tal-vittmi, ingħataw seba’ snin ħabs. Il-Women’s Rights Foundation, filwaqt li rringrazzjat lill-maġistrata talli ħarġet messaġġ tant ċar li din it-tip ta’ attività mhijiex aċċettabbli fis-soċjetà tagħna, wissiet li jekk Malta tirregolarizza l-prostituzzjoni, se nkunu qegħdin insaħħu lit-trafffikanti u nsikktu lill-vittmi.
Il-koppja Winston-Joseph Gera, ta’ 48 sena minn San Ġiljan u s-sieħba tiegħu Zhang Tianxia, Ċiniża ta’ 38 sena, ingħataw din is-sentenza mill-maġistrata Donatella Frendo Dimech li kkundannat bil-qawwa l-aġir bla skrupli tagħhom.
F’sentenza twila 87 paġna, jingħad li r-reati mwettqa mill-imputati wrew l-estremitajiet ta’ ħruxija li dawn kienu kapaċi jħaddnu u jinfliġġu fuq persuni oħra. “Intweriet r-rebgħa tagħhom, fejn b’mod mill-aktar koddard ikkalpestaw lid-dgħajjef, lill-vulnerabbli. Irrendew persuni gja vulnerabbli minħabba l-kundizzjonijiet taghhom, f’oġġetti, f’għodda li ntużat minnhom biex jiġġeneraw il-qliegħ. Neżżawhom mid-dinjità umana u ċaħħduhom mid-drittijiet l-aktar bażiċi. L-isfruttament ta’ dawn it-tfajliet kien wieħed estensiv għax estenda mhux biss għall-skop ta’ prostituzzjoni, iżda anke fl-għoti ta’ servizzi”.
Il-Qorti fis-sentenza mogħtija, ħadet ukoll konsiderazzjoni tal-fatt li l-imputati ma wrew ebda rimors għal għemilhom, għat-tbatija li kkaġġunaw lil dawn it-tfajliet fejn ingħad li, “dawn huma bnedmin bla skruplu, bla inibizzjoni, li ma baqalhomx post fis-soċjetà sakemm jiġu tassew rijabilitati”.
Il-maġistrata Donatella Frendo Dimech qalet li huwa dmir il-Qorti li tagħti messaġġ ċar u inekwivoku li atti simili m’għandhomx post fis-soċjetà tagħna u li l-persuni li jagħżlu jittraffikaw bnedmin bħalhom, irid jasal żmien fejn huma wkoll iridu jaħsdu dak li jkunu żergħu.
Il-Qorti ħasret kull liċenzja li għandhom l-imputati għal massage parlours; ordnat il-konfiska tal-assi inklużi l-erba’ ħwienet oħra tal-massaġġi – Tian Oriental; Yuan Orienta, Mandarin Oriental u Oriental – li kienu jintużaw għal dawn l-atti kriminali; kif ukoll talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga jekk kienx hemm ħasil ta’ flus u lill-Kummissarju tat-Taxxi bieex jinvestiga d-dħul leġittimu tal-ħatja.

Trattament inuman u viljakk
Il-vittmi f’dan il-każ kienu tlieta u r-reati twettqu fuq medda ta’ xhur. Huma ġew suġġetti għal trattament inuman u viljakk mal-wasla tagħhom f’Malta xahrejn qabel l-arrest tal-imputati.
Fix-xhieda tagħhom, it-tliet nisa Ċiniżi rrakkontaw dak kollu li għaddew minnu fejn mal-wasla tagħhom Gera u Zhang ħadulhom il-passaporti, kienu mġiegħla jipprostiwixxu ruħhom, ġiegħluhom jgħixu f’kundizzjonijiet prekarji; poġġewhom taħt sorveljanza b’reġim ta’ kontroll strett, kienu soġġetti għal vjolenza; u mhedda li jekk ma jobdux, jittieħdilhom il-permess ta’ residenza u jitkeċċew immedjatament mill-pajjiż.
Waħda mill-vittmi qalet fil-Qorti li kellha tħallas €7,800 biex tiġi taħdem Malta bħala terapista tal-messaġġi iżda mal-wasla tagħha, hija kienet ordnata tagħmel atti sesswali.
Dawn in-nisa kienu mitluba jaħdmu sigħat twal ta’ mill-inqas 12-il siegħa kuljum u mingħajr waqfien, kif ukoll kellhom iħallsu €150 f’kera biex jgħixu fl-istess massage parlour. Huma ma ngħatawx paga fissa u Gera kien jgħid lil dawn in-nisa barranin li, “jekk tridu taqilgħu iżjed flus, tridu tagħmlu dawn it-tip ta’ affarijiet”. Il-vittmi kienu jingħataw €5 minn kull €25 li jaqilgħu mill-klijenti.

Battalja għall-ġustizzja… għad hemm xi jsir
Il-Women’s Rights Foundation irringrazzjat lil dawn in-nisa li aċċettaw li jassistuhom f’din il-battalja biex jiksbu ġustizzja u fakkret li dawn huma biss ftit mill-ħafna vittmi li għadhom qegħdin jesperjenzaw dan it-tip ta’ trattament jew agħar.
Din il-Fondazzjoni temmen li pajjiżna għadu mhuwiex jaħdem biżżejjed biex ma jkunx hemm aktar traffikar uman u sostniet li jekk se nirregolarizzaw il-prostituzzjoni, se nagħtu aktar saħħa lit-traffikanti u konsegwenza ta’ dan, insikktu lill-vittmi ta’ din l-industrija li tikkalpesta tant nisa.

Sport