Saturday, December 21, 2024

“Messaġġ ċar” mill-poplu Malti f’votazzjoni kajmana

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nemmen li l-poplu Malti bagħat messaġġ ċar ħafna f’din l-elezzjoni ġenerali. Messaġġ ċar f’votazzjoni mill-aktar kajmana li minnha nfisha ukoll twassal messaġġ partikolari.  Nemmen li ż-żewġ partiti se jkollhom bżonn janalizzaw dan ir-riżultat.”

Dan sostnieh analista f’kummenti li għamel ma’ Talk.mt dwar l-andament tal-votazzjoni tal-bieraħ, fejn rajna votazzjoni kajmana għall-aħħar. Matul il-ġurnata spikkaw messaġġi biex il-poplu joħroġ jivvota. Din kienet elezzjoni ġenerali li fiha għall-ewwel darba ivvutaw dawk li għandhom 16 u 17-il sena..

L-analista li tkellem ma’ dan is-sit spjegalna li “kif mistenni hemm messaġġ ċarissimu mill-poplu.  Ċertu apatija inħasset f’din l-elezzjoni. Dak l-element ta’ protesta minn ċertu sezzjonijiet, kemm lejn partit u kemm lejn ieħor inħasset anke fil-kampanja. Hu evidenti ħafna li l-poplu qed iwassal messaġġ. Kemm partit u kemm ieħor għandhom jagħmlu analiżi sew ta’ dan il-messaġġ.”

Mistoqsi jekk jaħsibx li hemm xi kwistjoni partikolari li qed twassal għal dan il-messaġġ, l-analista qalilna  li “f’dan l-istadju wieħed irid jistenna biex jara l-vot kif se jkun distrett distrett. Min hemm wieħed jista’ jargumenta ħafna aktar. Ma naħsibx iżda li hemm issue waħda partikolari, iżda diversi issues li wasslu biex il-poplu ħass li jibgħat messaġġ”.    

Votazzjoni ta’ 12 fil-mija inqas minn ħames snin ilu

Intant l-ewwel indikazzjonijiet ta’ votazzjoni kajmana dehru sa minn filgħodu f’għadd ta’ postijiet. Dan imbagħad kien konfermat meta l-Kummissjoni Elettorali infurmat li sas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar kienu vvotaw 40.45 fil-mija  tal-elettorat. Dan hu madwar 11.8 fil-mija inqas minn kemm kienu ivvutaw fl-elezzjoni ġenerali tas-sena 2017, fejn dakinhar sas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar kienu vvutaw 52.3 fil-mija. Sas-sagħtejn kienu intefgħu. 143,628 vot . Dawk eleġibbli li jivvutaw jammontaw għal 350,423 persuna.

Id-destin tiegħek għażlu int wara ikun tard wisq – id-Deputat Mexxej Daniel Micallef

Quddiem dan it-turnout baxx bdew isiru diversi appelli.  Spikkaw żewġ appelli fosthom dak ta’ tad-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef li ddikjara li “dejjem kont konsistenti li s-surveys ma nagħtix kashom. Issa ħarġet l-aħbar tat-turnout sa 2pm – 12 fil-mija inqas minn 2017. Id-destin tiegħek għażlu int.  Fadal ħames sigħat. Wara jkun tard wisq.”

Mario Fava, ikkummenta li “ningħaqad fil-messaġġ tad-deputat mexxej.  Għad fadal ħin biex wara ma jiddispjaċikx.  Iddeċiedi għalik innifsek u l-familja tiegħek int.”

116-il-post tal-votazzjoni… l-għadd mistenni jibda dalgħodu fid-9.00 

Ilbieraħ mas-7.00 ta’ filgħodu f’pajjiżna fetħu 742 polling booth f’116-il post tal-votazzjoni fit-tlettax-il Distrett Elettorali madwar Malta u Għawdex.

F’din l-elezzjoni ġenerali huma madwar 340,000 il-persuni li għandhom dritt jivvutaw. Dan wara li 14,473 persuna baqgħu ma ġabrux id-dokument tal-vot tagħhom.

Mal-għeluq, beda l-proċess tar-rikonċiljazzjoni fil-postijiet tal-votazzjoni. L-Assistenti Kummissjonarji Elettorali f’dan il-proċess raw li jqabblu ċ-ċifri tal-voti mitfugħha mad-dokumenti tal-voti miġbura. Kif intemm dak il-proċess imbagħad, l-AECs marru bil-kaxxi tal-voti u d-dokumentazzjoni kollha marbuta  mal-proċess elettorali.

Il-kaxxi kollha mil-polling booths kollha twasslu fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar fejn hemmhekk tibda fażi oħra tal-proċess – issir rrikonċiljazzjoni mal-ballot paper account u l-kaxxi jitpoggew fl-istrong room. L-għadd tal-voti mistenni jibda dalgħodu għall-ħabta tad-9.00am.

Fiż-Żurrieq il-votazzjoni bdiet tard

Każ mhux komuni seħħ fiż-Żurrieq fejn hemmhekk il-votazzjoni ittardjat ftit. Dan minħabba i twaħħal banner ta’ kandidat  qrib il-Post tal-Votazzjoni. Minħabba li liġi Elettorali titlob li ma jista’ jkun hemm xejn li jista’ jinfluwenza l-votazzjoni f’medda ta’ 50 metru minn Post tal-Votazzjoni,  kellhom jissejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li użaw is-sellum tagħhom biex jaċċessawh. Il-banner kien ta’ kandidat Laburista. 

304 kandidati ikkontestaw l-elezzjoni

Fuq it-tlettax-il distrett elettorali madwar Malta u Għawdex b’kollox se joħorġu 304 kandidati; 69 mal-Partit Laburista, 70 mal-Partit Nazzjonalista, 10 mal-ADPD, 14 mal-ABBA, 2 mal-VOLT, 8 mal-Partit Popolari, u 4 indipendenti.

Ekonomija

Sport