Tuesday, April 16, 2024

“Messaġġi juru li Fenech kien qed jippjana biex jaħrab” – Is-Supretendent Arnaud

Aqra wkoll

Il-każ kostituzzjonali miftuħ minn Yorgen Fenech dwar iċ-ċaħda għat-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest kompliet llum bix-xhieda tas-Supretendent Keith Arnaud.

Is-Supretendent Keith Arnaud, meta kien qiegħed jixhed quddiem l-Imħallef Miriam Hayman sostna li messaġġi li bagħat Yorgen Fenech bil-mowbajl juru li kien qed jippjana li jaħrab lejn Franza jew lejn l-Istati Uniti.

Matul din il-ġimgħa Fenech ra lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jippreżenta l-att ta’ akkuża li fuqha se jgħaddi ġuri dwar l-imsemmi qtil. Barra minn hekk l-Imħallef Giovanni Grixti ċaħad l-aħħar talba tal-akkużat għall-ħelsien mill-arrest. Kemm il-Pulizija kif ukoll l-AĠ qegħdin jibżgħu mill-fatt li jekk kemm il-darba Fenech jingħata l-ħelsien, dan jaħrab mill-pajjiż.

Fix-xiehda tiegħu s-Supretendent Arnaud qara diversi messaġġi li kien involut fihom l-akkużat fosthom dawk ma’ zijuh Ray, ħuh Franco, ommu Patricia u anke mal-kaptan tad-dgħajsa tiegħu.

Fost il-messaġġi moqrija kien hemm dak li juri pjan li Fenech isiefer lejn Franza, pjan li nbidel biex iqajjem anqas suspetti. Barra minn hekk l-akkomodazzjoni u ħlasijiet oħra kellhom isiru bi flus kontanti biex jonqos r-riskju tal-intraċċar tal-akkużat. F’messaġġ li l-akkużat kellu ma’ ommu huwa ta ħjiel li kien se jivjaġġa lejn l-Amerika. F’dak mal-kaptan, Fenech allegatament ordna li ma jkunx hemm ekwipaġġ ieħor fuq id-dgħajsa. F’messaġġ partikolari ma’ ħuh huwa kien imħasseb mill-fatt li fl-Ewropa seta’ jispiċċa f’idejn l-Europol.

Il-kawża se tkompli tinstema’ fis-17 ta’ Settembru.

Ekonomija

Sport