Bħal lum 12 ta’ Settembru tas-sena 1945 seħħ l-istrajk fil-fabbriki tal-Ford f’Windsor, Ontario. Dan kien strajk kbir tal-ħaddiema tal-Ford li dam 99 jum, sad-19 ta’ Diċembru. Il-ħaddiema kienu qed jitolbu, fost affarijiet oħra, rikonoxximent sħiħ tal-unjin u sistema ta’ union shop/checkoff. Dan l-istrajk kien ferm aktar minn tilwima dwar pagi: sar punt ta’ bidla fl-istorja tad-drittijiet tax-xogħol fil-Kanada.
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-produzzjoni marbuta ma-gwerra kienet qed tonqos u kien hemm biża’ ta’ sensji u qgħad. Il-fabbrika ta’ Ford f’Windsor kienet l-akbar post tax-xogħol fil-Kanada, b’madwar 14,000 ħaddiem. Ford kienet ħabbret sensji ta’ madwar 1,500 ħaddiem.
Il-ħaddiema kienu rappreżentati mill-United Auto Workers (UAW). L-unjin riedet aktar sigurtà għall-organizzazzjoni tagħha, partikolarment: Union shop – li l-ħaddiema jkunu meħtieġa jissieħbu fl-unjin skont il-ftehim kollettiv. Riedet li li Ford tnaqqas il-miżati tal-unjin direttament mill-paga u tgħaddihom lill-unjin. Riedet rikonoxximent effettiv tal-unjin bħala r-rappreżentant tal-ħaddiema. Kien hemm ukoll talbiet oħra, fosthom vaganza annwali mħallsa ta’ ġimagħtejn.
Il-problema tal-check-off kienet partikolarment importanti. Mingħajr sistema awtomatika, l-unjin kellha tiġbor il-miżati individwalment mingħand eluf ta’ ħaddiema kull xahar, u dan seta’ jdgħajjef il-qawwa finanzjarja tagħha.
Fit-12 ta’ Settembru, madwar 11,000 ħaddiem ta’ Ford ħarġu fuq strajk. In-negozjati kienu ilhom għaddejjin għal madwar 18-il xahar iżda ma rnexxilhomx isolvu l-kwistjonijiet ewlenin.
L-istrajk malajr sar kwistjoni ta’ solidarjetà. Ħaddiema minn fabbriki oħra tal-karozzi f’Windsor appoġġjaw lill-ħaddiema ta’ Ford. F’Novembru, madwar 8,000 ħaddiem minn 25 post tax-xogħol ieħor ingħaqdu fl-azzjoni ta’ solidarjetà, u xi wħud baqgħu barra mix-xogħol għal kważi xahar mingħajr ‘strike pay’.
L-imblokk
Wieħed mill-aktar episodji drammatiċi seħħ fil-bidu ta’ Novembru. Minħabba biża’ li l-Pulizija kienet se tipprova tkisser il-‘picket lines’, iol-ħaddiema użaw il-karozzi u t-trakkijiet tagħhom stess biex jimblukkaw it-toroq madwar il-fabbrika ta’ Ford. L-imblokka kopra madwar 20 blokka u dam madwar tlett ijiem. B’hekk il-ħaddiema setgħu jipprevjenu konfront dirett kbir mal-Pulizija u fl-istess ħin juru kemm kellhom appoġġ.
Il-gvern federali spiċċa involut direttament fin-negozjati. Il-pressjoni kkawżata mill-istrajk u mill-imblokk għenet biex tinfetaħ it-triq għal arbitraġġ. F’Diċembru, wara 99 jum, il-ħaddiema aċċettaw li jirritornaw għax-xogħol, filwaqt li l-kwistjonijiet fundamentali dwar is-sigurtà tal-unjin tħallew għall-arbitraġġ.
Il-persuna magħżula biex tiddeċiedi l-kwistjoni kienet Justice Ivan C. Rand tal-Qorti Suprema tal-Kanada. L-akbar wirt tal-istrajk kien il-fatt li fid-29 ta’ Jannar 1946, Rand ħareġ id-deċiżjoni tiegħu. Huwa ma tax lill-unjin closed shop assolut — jiġifieri ma għamilx obbligatorju li kull ħaddiem ikun membru tal-unjin. Hu iżda introduċa kompromess importanti, dak li kull ħaddiem li jibbenefika mill-ftehim kollettiv għandu jikkontribwixxi għall-ispiża tar-rappreżentanza tal-unjin.

