Kien proprju bħal llum 12 ta’ Settembru tas-sena 1947 li f’Haifa inqatel Sami Taha. Hu kien persuna importanti ħafna għax kien kien jinsab bejn il-moviment tal-ħaddiema u l-politika nazzjonalista Palestinjana, u l-qtil tiegħu seħħ f’mument partikolarment sensittiv, ftit xhur qabel il-gwerra tal-1947–48.
Sami Taha Hamran twieled fl-1916 f’‘Arraba, qrib Jenin. Il-familja tiegħu aktar tard marret tgħix Ħaifa. Għalkemm kellu edukazzjoni formali relattivament limitata, studja waħdu u sar jaf sew il-liġi tax-xogħol u l-lingwa Ingliża.
Huwa ngħaqad mal-Palestine Arab Workers’ Society (PAWS), organizzazzjoni tal-ħaddiema mwaqqfa fis-sena 1925. Beda bħala skrivan u tela’ gradwalment sakemm fl-1937 sar is-segretarju ġenerali.
Taħt it-tmexxija tiegħu, il-PAWS kibret b’mod sinifikanti. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-ekonomija tal-Palestina kibret minħabba l-preżenza kbira tal-forzi Brittaniċi, u kien hemm żieda kbira fin-numru ta’ ħaddiema Għarab. Taha u l-organizzazzjoni tiegħu bdew jorganizzaw ħaddiema f’kampijiet, fabbriki u postijiet tax-xogħol Brittaniċi. Il-moviment ħoloq ukoll koperattivi, fond ta’ tfaddil għall-ħaddiema, u għajnuna għall-morda.
Fl-1943, f’konferenza f’Jaffa li kienet tirrappreżenta eluf ta’ ħaddiema Għarab, Taha ġie elett Ċermen u saħħaħ l-indipendenza tal-moviment tal-ħaddiema Għarab mill-Histadrut, il-federazzjoni tal-ħaddiema Lhudija.
Taha u l-organizzazzjoni tiegħu kienet topponi l-politika Zionista u d-diviżjoni tal-Palestina. Madankollu, kien jemmen li l-ħaddiema Għarab u Lhud setgħu jikkooperaw u li l-Lhud li kienu diġà jgħixu fil-pajjiż kellhom drittijiet ċivili.
Fl-1944, ħaddiema Għarab u Lhud f’Ħaifa pparteċipaw fi strajk konġunt immexxi mill-PAWS u l-Histadrut. Din il-pożizzjoni għamlitu dejjem aktar kontroversjali fost setturi tan-nazzjonaliżmu Għarbi Palestinjan.
Fl-1946 Taha sar ir-rappreżentant tal-ħaddiema fl-Arab Higher Committee (AHC). Iżda matul l-1947 ir-relazzjoni tiegħu mal-mexxejja tal-AHC, partikolarment il-kamp assoċjat mal-familja al-Husayni, marret għall-agħar.
F’Awwissu 1947, il-PAWS żammet kungress f’Ħaifa u adottat pożizzjoni li kienet tagħraf li Lhud Għarab kienu “aħwa u ċittadini”. Lhud Għarab kienu Lhud li jappartjenu għal komunitajiet kulturali u lingwistiċi Għarab, per eżempju f’pajjiżi bħall-Iraq, is-Sirja, l-Eġittu u l-Jemen. Il-PAWS talbet indipendenza u awtodeterminazzjoni għall-Palestina. Il-moviment ried ukoll jidħol aktar direttament fil-politika u jikkomunika mal-Ġnus Magħquda.
Dan qajjem reazzjoni qawwija mill-kamp Husayni. Gazzetti marbuta miegħu akkużaw lil Taha li ma kienx anti-Zionist u anti-Brittaniku biżżejjed, u saħansitra nxterdu akkużi li kien qed jaħdem għall-interessi Zionisti. Il-PAWS ċaħdet dawn l-akkużi.
Taha sparawlu barra d-dar tiegħu f’Ħaifa. Il-qattiel qatt ma nqabad. Sorsi storiċi jindikaw li dak iż-żmien kien hemm suspett qawwi li l-qtil kien marbut ma’ elementi tal-kamp Husayni/AHC, iżda m’hemmx evidenza konklużiva li tidentifika lill-qattiel jew tistabbilixxi b’mod definittiv min ordna l-qtil. Il-funeral tiegħu f’Balad al-Shaykh, qrib Ħaifa, attira folla kbira. Il-mewt tiegħu kienet meqjusa bħala daqqa kbira għall-moviment sindakali Għarbi Palestinjan.
Taha jitqies bħala figura importanti għax kien jirrappreżenta moviment tal-ħaddiema li kien qed isir aktar politiku u indipendenti, u proprju din l-indipendenza wasslet għal kunflitt mal-istabbiliment nazzjonalista Għarbi Palestinjan.

