Friday, October 2, 2026
Home Sport Colette Sultana tħabbar l-irtirar mill-Isquash kompetittiv

Colette Sultana tħabbar l-irtirar mill-Isquash kompetittiv

0
72

Il-plejer Maltija tal-isquash Colette Sultana ħabbret l-irtirar tagħha mill-isquash kompetittiv, u b’hekk qed ittemm karriera ta’ aktar minn 22 sena li bdiet meta kellha biss disa’ snin fil-Marsa Sports Club.

Matul il-karriera tagħha fit-tour professjonali dinji, Sultana laħqet l-ogħla klassifika tagħha fin-Nru 91 fid-dinja u rebħet tliet titli tal-PSA. Hija kisbet ukoll diversi titli fil-livell tal-juniors u kienet Champion Nazzjonali ta’ Malta għal aktar minn 16-il sena.

Sultana kellha wkoll karriera ta’ suċċess fil-US College Squash waqt li kienet qed tistudja fil-Columbia University, waħda mill-universitajiet tal-Ivy League, fejn kisbet l-unur prestiġjuż ta’ All-American.

Għal dawn l-aħħar għoxrin sena, Sultana kienet pedina importanti fit-Tim Nazzjonali Malti, u rrappreżentat lil Malta fi tliet edizzjonijiet tal-Logħob tal-Commonwealth kif ukoll f’bosta kampjonati Ewropej u kompetizzjonijiet internazzjonali. Fost l-aktar riżultati importanti tagħha hemm diversi midalji tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, midalji tad-deheb fil-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet – Diviżjoni 3, kif ukoll post fost l-aqwa 12 fil-Kampjonati Ewropej Individwali.

Meta ħabbret id-deċiżjoni tagħha, Sultana qalet:

“Wara aktar minn 22 sena f’dan l-isport, ħadt id-deċiżjoni diffiċli li nirtira mill-isquash kompetittiv. Minħabba injuries li ilhom jaffettwawni għal żmien twil, ġismi ma jiflaħx aktar għat-taħriġ meħtieġ biex nikkompeti fil-livell li naf li kapaċi nilgħab fih, u nħoss li wasal iż-żmien li nieqaf mil-logħob kompetittiv.”

“Jiena grata ħafna għall-opportunitajiet u l-esperjenzi kollha li tani l-isquash. Permezz ta’ dan l-isport kelli l-opportunità nivvjaġġa madwar id-dinja, ngħix u nitħarreġ f’erba’ kontinenti, u fuq kollox jiena kburija ħafna li stajt nirrappreżenta lil Malta tul il-karriera tiegħi.”

“Nagħlaq dan il-kapitlu b’qalbi mimlija gratitudni u nħares ’il quddiem biex inkompli nagħti l-kontribut tiegħi lill-isport permezz tal-coaching u l-mentoring tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ plejers.”

Għalkemm qed ittemm il-karriera tagħha bħala atleta kompetittiva, Sultana se tibqa’ attiva fl-isquash. Hija se tkun ibbażata f’Malta u se tkompli tagħti l-kontribut tagħha permezz tal-coaching u l-mentoring, billi tuża l-esperjenza li kisbet matul is-snin fil-livell professjonali u internazzjonali biex tgħin fl-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ plejers u atleti.

Sultana tixtieq tirringrazzja lill-Kumitat Olimpiku Malti, SportMalta, Malta Squash, Malta Sports Online, Tecnifibre Malta u Columbia University għall-appoġġ li tawha matul il-karriera tagħha.

Hija tesprimi wkoll ir-ringrazzjament tagħha lejn il-familja tagħha, il-coaches u l-programmi ta’ taħriġ li kellhom sehem importanti fl-iżvilupp tagħha matul is-snin, fosthom Bradley Hindle, Millfield School Squash Academy, Inspired Peak Performance, Squash Xtreme u Paul Lake.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here