Matul ix-xhur li għaddew esperjenzajna f’pajjiżna kundizzjonijiet tat-temp diffiċli. Mewġiet ta’ sħana bl-effetti kollha li dan iġib miegħu. Fl-Ewropa rajna ukoll l-effett ta’ dawn il-mewġiet ta’ sħana u f’każi oħrajn l-effett ta’ tempesti li faqqgħu f’temp qasir u kkawżaw ħsarat kbar. Nirien fil-foresti fil-Portugal, Spanja, Franza, Sqallija u l-Greċja kienet fost dawk li l-aktar li għamlu ħoss. Ma’ dawn kien hemm maltempati qawwija fi Franza, l-Italja u Spanja. Ma naqsux l-imwiet minn dan it-temp estrem. Hu stmat li l-kriżi klimatika matul dan is-sajf swiet lill-Ewropa €180 biljun.
Kien isoSegretarju Eżekuttiv tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, Simon Stiell, li żvela li l-kriżi krimatika dan is-sajf wasslet għal spiża ta’ €180 biljun. Hu wissa li l-kriżi klimatika saret emerġenza ekonomika u ta’ sigurtà madwar il-kontinent għall-Ewropa.
Stiell ta t-twissija tiegħu proprju nhar il-Ħamis waqt li kien qed jindirizza l-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel fi Brussell, il-Belġju.
Iddikjara li d-danni ekonomiċi mis-sħana estrema kkawżata mill-klima, in-nixfiet u avvenimenti oħra tat-temp kienet ekwivalenti għal madwar punt perċentwali wieħed tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Unjoni Ewropea—l-istess livell ta’ tkabbir imbassar għall-ekonomija tal-Unjoni Ewropea.
Stiel ma qgħadx jomgħodha u ddikjara li “dan huwa l-prezz tad-dipendenza globali fuq il-fjuwils”. Hu ddeskriva s-sajf eċċezzjonalment sħun tal-Ewropa bħala evidenza li t-tibdil fil-klima ma setax jibqa’ jiġi ttrattat bħala kwistjoni politika partiġġjana.
Iddikjara li s-sħana estrema qatlet għexieren ta’ eluf ta’ nies u kkawżat ħsara mifruxa lill-infrastruttura, lin-negozji u lill-ekonomiji. Enfasizza li s-sajf ġab evakwazzjonijiet tal-massa, għeluq ta’ impjanti tal-enerġija, rotot kummerċjali mfixkla, telf kbir ta’ prodotti agrikoli b’riżultat li l-prezzijiet tal-ikel se jogħlew.
“Il-klima xi kultant titqies bħala kwistjoni partiġġjana: bħala territorju fi gwerer kulturali. Dan huwa falz,” sostna Stiell.
Spjega li l-Ewropa kienet qed tiffaċċja “daqqa doppja fatali” mill-impatti tal-klima u l-esponiment kontinwu tagħha għall-prezzijiet volatili tal-fjuwils fossili. Wissa li l-familji, in-negozji u l-gvernijiet kienu qed jiġu mgħaffġin minn spejjeż ogħla tal-enerġija fi żmien meta d-diżastri klimatiċi kienu qed iżidu wkoll il-ħlasijiet tal-assigurazzjoni u jħallu xi proprjetajiet u negozji effettivament bla assigurazzjoni.
Kompla jgħid li l-kriżi tal-klima kienet qed tikkontribwixxi wkoll għal spejjeż ogħla ta’ self tal-gvern, u b’hekk naqqset l-ispazju fiskali disponibbli għall-gvernijiet biex jipprovdu servizzi pubbliċi essenzjali.
Innota li l-impatti tal-klima ma kinux limitati għall-Ewropa, u pponta lejn għargħar qawwija fil-Himalayas u sħana estrema fl-Afrika ta’ Fuq, fejn il-komunitajiet esperjenzaw imwiet, qtugħ tad-dawl, nuqqas ta’ ilma u tfixkil ekonomiku. F’xi reġjuni, l-impatti klimatiċi kienu qed jikkontribwixxu wkoll għall-migrazzjoni furzata kemm fi ħdan il-pajjiżi kif ukoll bejn il-fruntieri nazzjonali.
L-impenn tal-Ewropa għandu jmur lil
hinn mit-tnaqqis tal-emissjonijiet
Stiell kompla jgħid li r-rispons tal-Ewropa għalhekk għandu jmur lil hinn mit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għandu jiffoka ukoll fui il-bini ta’ reżiljenza kontra impatti klimatiċi dejjem aktar severi.
L-uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti ħeġġeġ lill-Ewropa biex tħaffef il-qalba tagħha mill-fjuwils fossili għal enerġija alternattiva. Argumenta li l-enerġija nadifa offriet lill-kontinent alternattiva aktar sigura u affordabbli għall-importazzjonijiet volatili ta’ fjuwils fossili. Sostna li l-enerġija rinnovabbli issa tipprovdi madwar nofs l-elettriku tal-Ewropa hekk kif l-investiment fl-enerġija nadifa qed ikompli jikber.
Hu qal li l-enerġija solari waħedha kienet salvat lill-Ewropa aktar minn €30 biljun f’importazzjonijiet ta’ gass evitati matul l-ewwel sitt xhur tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani.
“L-enerġija nadifa hija l-aktar triq żgura biex twassal, bl-irħis u b’mod sikur,” qal Stiell, li argumenta li investiment akbar fl-enerġija rinnovabbli jsaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa, l-istabbiltà ekonomika u l-awtonomija fit-tfassil tal-politika.
Huwa rrefera wkoll għall-opportunitajiet ekonomiċi maħluqa mis-settur tat-teknoloġija nadifa, fejn qal li l-kumpaniji Ewropej kienu diġà fuq quddiem nett f’diversi industriji nodfa.
Jispjega li globalment, aktar minn $2 triljun ġew investiti f’enerġija nadifa fis-sena ta’ qabel—id-doppju tal-ammont investit fil-fjuwils fossili. Tenna li s-suq dejjem jikber tal-enerġija nadifa jirrappreżenta opportunità ewlenija għall-Ewropa biex toħloq impjiegi, issaħħaħ in-negozji u ttejjeb il-livelli tal-għajxien.
Id-dinja għadha l-bogħod mill-mira
tat-temperatura stabbilità fil-Ftehim ta’ Pariġi
Stiell jgħid li minkejja l-progress fil-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-klima, d-dinja għadha ‘l bogħod mill-mira tat-temperatura stabbilita taħt il-Ftehim ta’ Pariġi. Qal ‘li d-dinja hi l bogħod ħafna mil-limitu ta’ 1.5 gradi mitlub mix-xjenza biex jiġu evitati l-agħar impatti klimatiċi, u miftiehem fost in-nazzjonijiet, darba wara l-oħra. Hu irrikonoxxa valutazzjonijiet reċenti li jindikaw li l-limitu ta’ 1.5°C issa se jinqabeż, iżda enfasizza li dan ma jfissirx li l-isforzi biex jiġi limitat it-tisħin għal 1.5°C għandhom jiġu abbandunati. Tenna li l-fatt li l-limiti ta’ żieda fit-temperatura se jinqabeż, tenna li dan xorta jiġi imreġġa’ lura permezz ta’ azzjoni globali konċertata.
“Azzjoni globali konċertata tista’ tnaqqas iż-żieda fit-temperatura għal 1.5 gradi,” tenna Stiell.
Il-kummenti tiegħu saru fl-isfond ta’ rekords tat-temperatura globali dejjem aktar frekwenti u avvenimenti estremi tat-temp. Proprju fl-aħħar sigħat is-Servizz tat-Tibdil fil-Klima Copernicus irrapporta li Awwissu ta’ din is-sena kien l-aktar xahar sħun irreġistrat, bit-temperatura globali.
Stiell stqarr li r-rwol storiku tal-Ewropa fid-diplomazija internazzjonali dwar il-klima poġġa responsabbiltà speċifika fuq l-Unjoni Ewropea biex iżżomm u ssaħħaħ it-tmexxija tagħha f’dan il-qasam.
Huwa fakkar fil-kontribut tal-Ewropa għall-iżvilupp tar-reġim internazzjonali dwar il-klima u tal-Ftehim ta’ Pariġi, u sostna li t-tmexxija Ewropea kontinwa hija essenzjali mhux biss għall-azzjoni klimatika iżda wkoll għall-pajjiżi vulnerabbli.
Ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tevita “tranżizzjoni globali b’żewġ veloċitajiet,” fejn ekonomiji aktar sinjuri jadottaw malajr teknoloġiji nodfa filwaqt li pajjiżi li qed jiżviluppaw isibuha diffiċli biex jagħmlu din it-tranżizzjoni.
Skont Stiell, l-Ewropa għandha ssaħħaħ is-sħubiji internazzjonali biex tiżgura ktajjen tal-provvista għal teknoloġiji tal-enerġija nadifa u industriji ġodda, filwaqt li tkompli tonora l-impenji tagħha dwar il-finanzjament klimatiku.
Appella wkoll għal attenzjoni akbar lejn il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-finanzjament klimatiku, u sostna li implimentazzjoni aktar effettiva tgħin biex tinbena l-fiduċja bejn pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw.
Il-COP31 trid tiffoka fuq l-implimentazzjoni
Bil-konferenza li jmiss tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima, il-COP31, skedata li ssir fit-Turkija, hu ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tappoġġja l-isforzi ħalli l-impenji klimatiċi eżistenti jinbidlu f’azzjoni konkreta.
Huwa qal li l-pajjiżi għandhom jiffokaw fuq l-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet li diġà ġew miftiehma f’konferenzi preċedenti dwar il-klima, minflok ma jerġgħu jiftħu diskussjonijiet dwar ftehimiet li diġà ġew konklużi.
“Il-ħtieġa issa mhix li jerġgħu jinfetħu deċiżjonijiet li diġà ttieħdu. L-għan hu li jitwettaq dak li diġà ġie miftiehem,” huwa qal.
Appella lill-pajjiżi biex jimplimentaw il-pjanijiet u l-miri klimatiċi eżistenti tagħhom u jsaħħu l-ambizzjonijiet tagħhom fejn il-kundizzjonijiet domestiċi jippermettu dan.
Huwa qal li l-progress irid jitħaffef qabel it-tieni evalwazzjoni globali tal-azzjoni klimatika fis-sena 2028, meta l-pajjiżi jivvalutaw jekk humiex qed javvanzaw lejn it-twettiq tal-impenji meħuda taħt il-Ftehim ta’ Pariġi.
Attenzjoni fuq il-Metan, is-sigurtà tal-ikel u bliet reżiljenti
Stiell qal li l-COP31 għandha wkoll tippromwovi azzjoni prattika f’oqsma li għandhom impatt immedjat fuq il-ħajja tan-nies. Il-Presidenza Torka tal-COP31, f’ħidma mal-Awstralja, identifikat mira li l-elettriku jissodisfa 35 fil-mija tad-domanda finali globali għall-enerġija sal-2035 bħala parti mill-Aġenda Globali għall-Azzjoni Klimatika.
Stiell qal li l-Ewropa diġà kienet qed tagħmel progress, partikolarment fl-elettrifikazzjoni u l-mobilità elettrika, b’madwar waħda minn kull erba’ karozzi ġodda mibjugħa fl-Ewropa issa huma elettriċi.
Huwa ħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex tibni fuq dawn il-kisbiet filwaqt li tuża l-influwenza tagħha biex tħaffef l-azzjoni klimatika globalment.
“L-azzjoni klimatika hija dwar tħassib ta’ kuljum. Ngħixu f’era polarizzata: Iżda l-inflazzjoni hija għadu komuni, is-sigurtà hija kawża komuni. Is-saħħa, l-impjiegi, il-komunità u l-prosperità huma importanti għalina lkoll,” enfasizza Steill.

