Għat-tieni sena konsekuttiva, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela se tkun qed tmexxi l-festival ‘Nitkellem’ li din id-darba se jieħu dimensjoni iktar wiesgħa bil-għan li joħloq iktar għarfien u jilħaq iktar nies.
Fid-9 u l-10 ta’ Ottubru, fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, din l-inizjattiva ta’ Dr Abela flimkien mal-Gvern ta’ Malta se toffri pjattaforma ta’ diskussjoni miftuħa u ġenwina dwar is-saħħa mentali kif ukoll elementi sportivi u kulturali li jippromwovu stil ta’ ħajja iktar trankwilla u sana.
Wara l-parteċipazzjoni effettiva tas-sena li għaddiet, u biex il-kuxjenza dwar is-saħħa mentali tibqa’ fuq nett tal-aġenda, ‘Nitkellem’ se joħloq iktar spazji fejn persuni ta’ kull età jiltaqgħu, jesprimu ruħhom u jieħdu ħsieb tagħhom infushom.
Il-festival jiftaħ nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Ottubru, b’konverżazzjoni nazzjonali dwar is-saħħa mentali, bis-sehem ta’ individwi u familji li jaqsmu l-esperjenzi personali tagħhom u ta’ professjonisti u għaqdiet f’dan il-qasam li jiddiskutu ideat għal soċjetà dejjem iktar b’saħħitha.
Dakinhar stess filgħaxija tittella’ produzzjoni oriġinali minn Kelma Kelma Nota Notabit-tema ‘Ixgħel l-indicator!’, fejn il-Professur Michael Spagnol, flimkien mal-artisti Ray Calleja, Daniel Cauchi u l-Big Band Brothers, se jużaw il-kitba, l-arti u l-umoriżmu biex isaħħu l-messaġġ favur il-benesseri.
Il-festival ikompli l-għada, is-Sibt 10 ta’ Ottubru, bi stedina lill-pubbliku għal avvenimenti differenti li jixprunaw il-ħsieb pożittiv. Filgħodu jibdew diversi sessjonijiet ta’ attività fiżika, fosthom ġirja ta’ 5 u 10 kilometri b’kollaborazzjoni ma’ Sunday Run Club, Yoga organizzata minn Sasha Vella, Pilates ma’ Soma Studios u Breathwork bi sħubija mal-atleta Neil Agius.
Wara dawn l-attivitajiet sportivi, se jsir The Big Picnic Party mtella’ minn Malta Daily fejn il-mużika toħloq sens ta’ komunità, f’ambjent naturali u ta’ rilassament.
Filwaqt li l-biljetti għall-festival ‘Nitkellem’ jistgħu jinkisbu minn issa fuq showshappening.com, id-dħul kollu minn dawn l-attivitajiet se jmur għal ħidma fil-qasam tas-saħħa mentali, speċjalment fost l-adolexxenti.
Għal aktar dettalji, wieħed jista’ jżur is-sit lydiabela.com.

