In-nomina ta’ Malta ta’ Dr Andria Buhagiar sabiex isservi bħala mħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ġiet aċċettata.
Dr Buhagiar kienet innominata mill-Gvern sabiex tieħu post l-Imħallef Ramona Frendo, li issa qed isservi bħala mħallef fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern jilqa’ din il-ħatra u jawgura lil Dr Buhagiar kull suċċess fil-qadi ta’ dan l-irwol importanti. Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima rringrazzja lil Dr Buhagiar għas-servizz dedikat li tat matul dawn l-aħħar snin fil-kariga tagħha ta’ Deputat Avukat tal-Istat.
B’din il-ħatra, Malta se jkollha żewġ imħallfin iservu fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dan jirrifletti l-kalibru tal-professjonisti Maltin fil-qasam legali u jkompli jsaħħaħ il-kontribut ta’ Malta fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fuq livell Ewropew.

