Sunday, December 22, 2024

Meta jkun hemm ġustizzja fuq il-post tax-xogħol, ser ikun hemm aktar produttività’ – Dr Yana Mintoff

Aqra wkoll

Dr Yana Mintoff u Dr Mary Grace Vella huma r-riċerkaturi li ħadmu fuq id-dokument ta’ riċerka tal-proġett Mind the GAP. Din ir-riċerka tifforma parti minn proġett tal-GWU.

Dan is-sit tkellem ma’ Dr Yana Mintoff innifisha fejn tkellmet magħna dwar dan il-proġett, u wkoll dwar x’kien l-iskop warajh u xi jfisser dan it-terminu. Hija qaltilna li Mind the Gap hija direttiva mill-Unjoni Ewropea li żviluppat dan l-aħħar dwar xi drittijiet fuq il-post tax-xogħol.

Meta spjegat fid-dettall dwar din id-direttiva hija qasmet magħna l-ħsieb dwar il-fatt li ħafna drabi aħna lanqas nafu dwar l-importanza tal-pagi kemm għan-nisa u anke għall-irġiel, u l-fatt li dawn għandhom ikunu ndaqs, għax għadna lanqas nafu dwar id-differenzi li jista’ jkun hemm, meta fil-fatt dawn jekk qed jagħmlu l-istess xogħol, hemm id-dritt li dawn jitħallsu l-istess.

Hija kompliet issostni li “aħna suppost għandna liġi li hija ċara li tgħid li equal pay for equal work, u li din tapplika għal kullimkien, jiġifieri, li jekk hemm mara taħdem u qed tagħti l-istess valur daqs ir-raġel, mela hi għandha dritt li jkollha l-istess paga.” Jekk toqgħod taħseb fuqha ma tridx wisq biex tirrealizza li dan ikun ġust, u tkun inġustizzja li wieħed jagħmel l-istess xogħol imma mhux qed jiġi mħallas daqs ħaddieħor.

Iżda l-istatika turi xort’oħra, u skont Yana Mintoff Bland, minn 20 sena ilu lil hawn, id-differenza bejn il-paga tan-nisa u tal-irġiel għall-istess xogħol fil-fatt kibret, u mhux ġiet aktar ġusta kif forsi nistennew li tkun illum il-ġurnata. Fil-fatt kif spjegat is-sinjura Mintoff Bland “qabel kienet ta’ 5% izda issa qiegħed iktar minn 10%, u li għalhekk hija sitwazzjoni kerha.”

Yana Mintoff qalet li din il-problema ta’ paga inġusta skont il-ġeneru ma ssibhiex biss f’Malta, iżda fl-Ewropa u anke saħansitra mad-dinja kollha. Għaldaqstant dejjem hemm raġġ ta’ dawl dwar din is-sitwazzjoni għaliex meta tkellmet dwar x’se nagħmlu dwar din id-differenza inġusta, hija spjegat dwar kif l-Unjoni Ewropea qed taħdem dwar dan.

Hija spjegat li l-Unjoni Ewropea, permezz ta’ direttiva ser tkun qed tgħin biex ittejjeb din is-sitwazzjoni. Din id-direttiva hija magħrufa wkoll bħala Pay Transparency Directive, u li toffri tama fuq il-post tax-xogħol,  għax permezz tagħha mistenni jkun hemm aktar trasparenza, aktar informazzjoni  dwar il-pagi.”

Yana qaltilna li din issa hija interessanti għaliex fl-opinjoni tagħha “issa min iħaddem għandu bilfors jagħti l-informazzjoni kemm għal min qed imur l-intervista biex jibda jaħdem, u anke bħala avviżi, ir-riklami. Il-bżonn li jkun ċar li dawn huma l-iskali li toffri l-kumpanija. Għalhekk ser ikun hemm aktar onestà, iktar viżibilità.”

Naturalment din mhux se tkun l-aktar triq faċli, għax xi sidien, jew dawk li ser ikunu qed iħaddmu lin-nies u jimpjegaw xi nies magħhom forsi mhux se jkunu jaqblu ma’ din il-liġi l-ġdida. Imma kif qaltilna hi “ħafna studji juru, li meta hemm fairness, ġustizzja fuq il-post tax-xogħol, ser ikun hemm aktar produttività u aktar kwalità tajba ta’ xogħol.

Dan jgħin ukoll li l-ħaddiema jdumu jaħdmu aktar fl-istess post. Għalhekk dan ser jgħin billi jiffrankaw mit-turn over u l-problemi fuq ix-xogħol, iżda jgawdu aktar armonija, il-kwalità tajba tax-xogħol u produttività.

Għalhekk tajjeb li kemm il-ħaddiema u anke dawk li jħaddmu lin-nies jinfurmaw aktar ruħhom dwar dan u jsiru familjari ma’ din id-direttiva li spjegat Yana, ħalli hekk noffru tama u nibdew it-triq lejn pagi aktar ġusti irrelevanti mil-liema ġeneru inti. Ma jiddeterminax biss inti min inti, iżda jkollok paga ġusta għax-xogħol li inti tagħmel u titħallas b’mod ġust u jkun hemm ugwaljanza.

Ekonomija

Sport