Għal min jiftakar fis-snin 60 u ħafna dan għadhom jiftakruh, il-Knisja Maltija mmexxija mill-Arċisqof Mikiel Gonzi, kienu jmexxi messaġġi fl-eqqel tal-kwistjoni politika-reliġjuża dwar kemm kienu fuq in-naħa s-sewwa tal-Istorja. Kienu jiddominaw dikjarazzjonijiet bħal ‘in-nar tat-torċa jaħarqek’. Dan kien iż-żmien li l-Knisja kienet imponiet l-interdett fuq kull min huwa Laburist u finalment id-dnub il-mejjet. Dan kieen ifisser li difna fil-parti taċ-ċimiterju mhux konsagrata (magħrufa bħala l-miżbla). Ammont ta’ snin wara, xi ħaġa li llum ma tantx tissemma’, l-Arċisqof Mikiel Gonzi kien ammetta li għamel l-iżbalji.
Dawn l-iżbalji ammettihom ftit aktar minn 50 sena ilu meta l-Monsinjur Arċisqof Mikiel Gonzi kien tkellem waqt ikla li saritlu mill-Kamra Pontifiċji fl-okkażjoni ta’ għeluq il-50 sena tiegħu. F’din l-okkażjoni huwa tkellem dwar laqgħa sħuna mal-Prim Ministru kif ukoll kien esprima tħassib dwar iċ-Ċiniżi li dak iż-żmien kienu jaħdmu fit-tarzna tagħna.
F’rapport ippubblikat fuq l-ORIZZONT fl-14 ta’ Mejju 1975 kien ingħad li, “huwa semma’ l-laqgħa li kellu mal-Prim Ministru l-Perit Dom Mintoff dan l-aħħar u fiha huma ddiskutew il-kwistjoni tal-pornografija u tal-immunità tal-Isqfijiet. Mons Gonzi kien sejjaħ din il-laqgħa ‘colorissima’, jiġifieri mqanqla. Huwa qal li l-laqgħa damet madwar siegħa u nofs li għaliha kien hemm preżenti Dott. A. Buttigieg, Ministru tal-Ġustizzja u Affarijiet Parlamentari”.
Ir-rapport elabora li, “huwa qal li l-Gvern fil-każ tal-President tar-Repubblika għamlet eċċezzjonijiet f’dawk li huma immunitajiet iżda fil-każ tal-Isqfijiet ma riedx. Huwa kompla hekk: ‘Però, minkejja li neħħewlna l-immunitajiet jien mhux se nibża’ u lest li nissagrifika l-libertà tiegħi’. Meta qal hekk Mons. Arċisqof deher isabbat idejh fuq il-mejda”.
Dakinhar l-Arċisqof kien “imbagħad sostna li f’Malta l-Komuniżmu jinsab dieħel sew u llum hemm ħafna Ċiniżi li qed jaħdmu ma’ ħaddiema Maltin fit-tarzna. Huwa mbagħad ammetta li ma kienx infallibbli u kienn għamel ukoll xi żbalji”.
F’dan ir-rapport ingħad ukoll li l-Mons. Gonzi fil-bidu tkellem dwar iż-żmien ta’ qabel il-Gwerra u semma’ meta kien ġie Malta r-Re tal-Ingilterra.
“Huwa qal li dak iż-żmien kien hemm xi wħud li kienu jaħsbu li huwa (Mons. Gonzi) kien iżomm mat-Taljani iżda meta ġie r-Re u ltaqa’ miegħu flimkien ma’ Lord Gort dawn qalulu li kienu neħħew kull ħsieb li huwa jżomm mat-Taljani ‘anzi li kien hu (Mons. Gonzi) li kien salva lil Malta’.”
Tema oħra rrapportata f’dak li kien qal il-Mons. Gonzi f’din iċ-ċelebrazzjoni ta’ għeluq sninu kienet meta huwa kien iltaqa’ mal-Papa. Hawn ġie rrapportat li, “Mons. Arċisqof qal li fl-1972 f’Mejju kien mar għand il-Papa u qallu li kien se jirriżenja minħabba dak li jgħid il-Konċilju dwar l-etàa tal-Isqfijiet. Il-Papa iżda qallu li ried li huwa jibqa’ Arċisqof ta’ Malta sal-mewt u kien lest li jgħinu anke jekk ikun hemm raġunijiet ta’ saħħa”.
Ir-rapport fuq l-ORIZZONT issokta li f’din l-ikla kien hemm preżenti wkoll il-Viċi President tal-Kamra Pontifiċja, l-Imħallef A. Montanaro Gauci u membri oħra.
M’għandna xejn xi jfakkar din l-akbar traġedja umana f’pajjiżna
Jason Micallef jenfasizza li “matul dawn is-snin kollha li għaddew, lil hinn minn apoloġija, għax kemm l-Arċisqof Ġużeppi Merċieca u kemm l-Arċisqof Charles J. Scicluna għamlu apoloġija, f’pajjiżna m’għandna xejn xi jfakkar din l-akbar traġedja umana f’pajjiżna. Inkredibbli lanqas sqaq m’hawn imsemmi. Din kienet ġrajja li damet disa’ snin mill-1960 sa 1969. Jien dejjem kont nhewden biex issir xi ħaġa u jitfakkar dawn in-nies, li baqgħu akkost ta’ kollox sodi fil-prinċipji tagħhom. Dejjem kont naħseb fuq xi ħaġa bħal memorja kollettiva.”
Tenna li, “fil-bidu tas-sena 2020, kont ħriġt bl-idea li l-ġnien tal-Palazz tal-Arċisqof bi ftehim mal-Kurja, jinbidel bħala mafkar għal dawk li sofrew mill-interdett. Kont mort inkellem lill-Ministru Josè Herrera, għax id-Direttorat tar-Restawr kien jaqa’ taħtu. Spjegajtlu l-ħsibijiet li kelli. Kont għamiltlu l-proposta li nixtieq li bi spiża tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, il-ġnien tal-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt, isir ġnien pubbliku. Biex iseħħ dan kien hemm bżonn li jinfetaħ bieb għal dan il-ġnien. L-idea tiegħi kienet li dan isir ġnien ta’ rilassament u jissemma’ għall-vittmi tal-interdett. Dan il-ġnien pubbliku seta’ jinfetaħ b’semplici fetħa minn Triq San Kristofru kien se jagħmel parti mill-proġett eżistenti tal-Valletta Design Cluster li tinsab bieb ma’ bieb mal-gnien tal-Palazz tal-Arċisqof fi Triq San Kristofru fil-Belt Valletta.”