Sunday, December 22, 2024

“Meta l-kritika fuq il-Ġudikatura ssir mill-Partit Nazzjonalista, dak mhux attakk”

- Il-Ministru Attard waqt diskussjoni politka fuq RTK

Aqra wkoll

“Ara taħseb li ma niħux kont tal-appelli, li jdejjaqni huwa l-mod selettiv ta’ kif dawn isiru”.

Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard hekk kif aktar kmieni dalgħodu pparteċipa f’diskussjoni politika flimkien mal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina fuq RTK Radio. Il-Ministru Attard kompla biex jgħid li hija realtà fejn kellek kritika pubblika fuq proċedura ta’ Maġistrat imma fil-passat riċenti kellek attakki fuq Imħallef Grixti, Maġistrati oħrajn, attakki kontinwi fuq l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Ministru Attard sostna li biex l-appell ikun kredibbli u oġġettiv irid jieħu inkonsiderazzjoni dawn l-aspetti kollha. “Jiena s-selettività biss iddejjaqni. Il-kritika jiena dejjem ngħid dħalt għall-politika biex nirċievi l-kritika, imma quddiem kritika selettiva ma nistax nagħlaq ħalqi”, kompla l-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard qal li huwa jistenna li l-Qrati jqumu għall-okkażjoni biex jagħtu proċess ġust lil hinn minn kull konsiderazzjoni politika u mingħajr sproporzjonalità. B’reazzjoni għall-appell ta’ Aquilina biex jieqaf l-attakk fuq il-ġudikatura, il-Ministru fakkru kif lejlet elezzjoni l-istess Aquilina kien ħareġ jattakka l-Qorti Kostituzzjonali għax ma qabilx mas-sentenza u appella lin-nies biex jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista għax skont hu “Pajjiżna għandu bżonn urġenti li jibda paġna ġdida taħt gvern Nazzjonalista”.

Sfidat f’aktar minn okkażjoni waħda l-kelliemi Nazzjonalista naqas milli jikkundana l-attakki sistematiċi u kontinwi inkluż dawk deplorabbli li saru fl-aħħar sigħat minn Jason Azzopardi li għajjar lill-Avukat Ġenerali maħmuġa u laħam mibjugħ. Fi kliem il-Ministru din mhija xejn għajr politika tal-ipokrezija u l-vendikazzjonijiet.

Ekonomija

Sport