Friday, December 13, 2024

“Meta mudell ikun naturali, ikun qed joħroġ l-aqwa tiegħu”

Simone Bonaccorsi – Mr Italia 2018

Aqra wkoll

Simone Bonaccorsi hu mudell Taljan li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. Hu twieled fl-4 ta’ Diċembru 1995 u llum il-ġurnata għandu 26 sena. Hu jqis ruħu bħala Sqalli pur tant li twieled fil-belt ta’ Catania. 

Simone għandu ħuh li għad għandu erba’ snin u li hu ferm għal qalbu. Kien hu li ħabbar li se jkollu ħuh żgħir bl-isem ta’ Leonardo u saħansitra fetaħlu profil fuq Facebook.

Bħala mudell hu ħa sehem f’diversi avvenimenti prestiġjużi bil-qofol tal-karriera tiegħu tintlaħaq lura għas-sena 2018 meta rebaħ Mister Italia, l-isbaħ raġel Taljan tas-sena.

Dan l-unur kien fundamentali sabiex Bonaccorsi jsir dejjem aktar popolari u ma kinitx sorpriża li sena wara ġie kkuntattjat mill-organizzaturi tal-programm Temptation Island sabiex ikun parti mill-grupp li kellu jinterpreta diversi rwoli. Hu ħa sehem mal-eks tfajla tiegħu Chiara Esposito fejn fil-veru sens tal-kelma kellhom jgħaddu minn prova wara l-oħra bi sfidi li ma kienu jaqtgħu xejn.

Bonaccorsi kien fil-gżejjer Maltin fil-jiem li għaddew fejn ħa sehem fil-logħba ta’ ħbiberija All Stars Sicilia kontra Malta Veterans li saret fil-Luxol Stadium.

Talk.mt ħa l-okkażjoni sabiex jieħu xi kummenti mingħand Bonaccorsi stess li barra li għandu għal qalbu l-qasam tal-immudellar, iħobb ħafna l-isports speċjalment il-futbol.

Iżda kif bdiet l-imħabba tiegħu lejn l-immudellar?

“Kont għadni tfajjel ta’ 11-il sena u minn dejjem kienet taffaxxinani d-dinja tal-moda. Ommi u missieri kitbuni ma’ kumpanija li tispeċjalizza f’dan il-qasam u tista’ tgħid minn hemm bdejt il-karriera tiegħi.”

“Bqajt nirsisti ħafna sabiex nilħaq l-objettivi tiegħi. Ħafna jgħidulek li meta tkun mudell jew mudella kemm titla’ hemmhekk u daqshekk. Meta nisma’ dan kollu malajr nirribatti u ngħidilhom li dik il-wirja li tkun qed tagħmel għal ftit sekondi fiha ħafna sigħat ta’ preparazzjoni. Bniedem mhux kemm jitla’ hemm u daqshekk iżda trid tieħu ħsieb diversi fatturi li huma kruċjali f’din id-dinja tant sabiħ u affaxxinanti.”

Bonaccorsi jkellimna dwar il-mument meta rebaħ Mister Italia 2018 li jiddeskrivih bħala l-aqwa mument ta’ ħajtu.

“Meta ħadt sehem f’dan il-konkors kelli f’moħħi li mmur tajjeb iżda qatt m’għaddieli mill-kurituri ta’ moħħi li nirbaħ din il-kompetizzjoni. Meta l-preżentatur għajjat ismi, bilkemm ridt nemmen!”

Il-mudell Taljan jitkellem dwar is-sensiela Temptation Island li tant ġabitlu suċċess u li hu jiddeskriviha bħala esperjenza ferm sabiħa.”

Kienet sensiela li kienet qed tixxandar fuq Canale 5 u kull episodju miljuni ta’ telespettaturi kienu jaraw dan il-programm. Wara kull episodju kien jirċievi ħafna kummenti u messaġġi fuq il-profil soċjali tiegħu fuq Instagram u Facebook.

“Kienet esperjenza li tgħallimt ħafna minnha u b’mod partikolari jien u l-eks tfajla tiegħi Chiara Esposito kellna ngħaddu minn prova wara l-oħra. B’xorti ħażina m’għadnix flimkien għalkemm din naraha bħala parti mill-ħajja.”

“Konna ilna flimkien għal numru ta’ snin għalkemm b’xorti ħażina kien hemm xi problemi li bdew ifeġġu u ddeċidejna li ntemmu r-relazzjoni.”

Bħalissa Bonaccorsi m’għandu l-ebda relazzjoni għalkemm riċentement stqarr li qed jammira lill-mudella Jessica Selassie għalkemm ikkonferma li m’hemm xejn bejniethom.

Kif għedna, Simone Bonaccorsi hu dilettant tal-isport partikolarment il-futbol. Kull meta jkollu ċans dejjem imur jagħti dawk id-daqqtejn ballun sabiex filwaqt li jżomm ruħu fiżikament tajjeb, ikollu ċ-ċans jissoċjalizza u jieħu gost ma’ sħabu. Fis-sajf iħobb imur jgħum fil-pixxina jew fil-baħar sabiħ ta’ Sqallija kif ukoll jipprattika l-beach soccer u l-beach tennis.

“Biex inkun qed ngħid kollox, jien dilettant ukoll tal-gym fejn nagħmilha regola ġenerali li mmur kuljum jew filgħodu kmieni jew inkella tard filgħaxija. Bis-saħħa t’hekk inżomm ruħi fiżikament tajjeb li hu ferm importanti anke għall-mudell.”

Hu jgħid li biex bniedem ikun sportiv u mudell tajjeb, irid ikollu dixxiplina kbira u joqgħod attent x’jiekol. Hu jgħid li din mhux xi ħaġa faċli meta tqis li l-mezzi soċjali u dawk tax-xandir jirreklamaw ħafna ikel li mhux dejjem ikun tajjeb għas-saħħa. 

Iżda kemm hu importanti li mudell ikun sabiħ mhux biss minn barra iżda anke minn ġewwa?

“Jien naraha bħala xi ħaġa fundamentali li mudell jew mudella tkun sabiħ jew sabiħa anke minn ġewwa. Sfortunatament hawn diversi mudelli li jkunu sbieħ minn barra iżda minn ġewwa ġieli ma jkunux ġenwini, xi kultant ukoll xi ftit artifiċjali.”

Bonaccorsi jsostni li mudell irid jilbes ħwejjeġ adattati għalih u fuq kollox ġaladarba jkun fuq il-palk f’dawk is-sekondi jrid jimpressjona b’mod ġenwin u anke bl-aqwa mod possibbli. Fl-istess waqt hu f’dan il-ħin li toħroġ il-lat naturali tal-persuna.

Bonaccorsi kellimna dwar xi affarijiet oħra kurjużi fosthom li għandu kelba labrador bl-isem ta’ Cleopatra. Waqt il-kwarantina relatata mal-COVID-19 hu taha għax-xogħol tad-dar fejn stqarr li qatt qabel ma mess platt jew xkupa b’idejh iżda skopra li imporanti li jagħti daqqa t’id. Fl-istess waqt, waqt il-Haloween tas-sena l-oħra hu libes ta’ Joker.

Kif qed jara l-futur tiegħu Bonaccorsi?

“Bħalissa qed inkompli ntejjeb il-livell tiegħu għax bħalma jgħidu taf kemm taf qatt m’hu biżżejjed. Trid iżżomm ruħek aġġornat mal-moda u tisma’ mill-pariri siewja li jgħidulek nies midħla fil-moda.”
“Biex ngħidlek il-verita’, bħalissa qed nistudja r-reċtar fejn qed nieħu dan il-kors b’serjeta’ kbira. Nixtieq niggradwa u nispeċjalizza f’dan il-ġeneru li jaffaxxinani ħafna. Ġaladarba nagħmel dan kollu, inkun nista’ naħdem fuq proġetti oħrajn li jinsabu f’moħħi.”

Finalment xtaqna lil Simone Bonaccorsi sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-moda.

“L-ewwel u qabel kollox importanti li tkun int innifsek u mhux tipprova timita lil xi ħadd. Meta mudell ikun naturali, jkun qed joħroġ l-aqwa tiegħu.”

“Barra minn hekk wieħed irid jistudja u jaġġorna ruħu aktar u aktar illum li hawn ħafna opportunitajiet. Ġaladarba tagħmel dan kollu, jirnexxielek twettaq dak il-ħolm li int tkun xtaqt. Mingħajr il-ħolm ma tasal imkien. Imbagħad importanti li temmen fil-potenzjal tiegħek.”

Ekonomija

Sport